Għal Dan Il-Ġuvni S-Sawm Ta’ Bla Laħam F’Ras Ir-Randan Ma Jgħoddx

 Għal Dan Il-Ġuvni S-Sawm Ta’ Bla Laħam F’Ras Ir-Randan Ma Jgħoddx

Dan għaliex Ryan Bolger huwa ġuvni li ma jemminx li trid toqtol jew taħqar l-animali biex tiekol. Fil-fatt Ryan huwa vegan, jiġifieri apparti li ma jiekolx laħam ma jieħux bajd u ħalib u prodotti oħrajn magħmulha mill-annimali.

Ħafna jaraw dan l-istil ta’ ħajja bħala wieħed drastiku u mhux naturali, iżda meta wieħed jaħseb, m’hemm xejn naturali li raħħal itaqqal artifiċjalment lil baqra biex tagħmel snin tipproduċi l-ħalib li mhux se jgawdi minnu ż-żgħir tagħha.

Għax appuntu ż-żgħir tagħha jiġi mifrud minn magħha f’inqas minn 24 siegħa wara li twelled. Aktar u aktar m’huwiex naturali li omm titħalla tibki liż-żgħir tagħha (iva l-baqar jibku) filwaqt li dan iż-żgħir ikun ittieħed biex jitbiċċer għal-laħam li nsejħulu vitella.

Meta mistoqsi, Ryan wieġeb li l-bidu tal-bidla seħħet meta ġie mistoqsi għaliex iħobb l-animali domestiċi tiegħu filwaqt li kien jiekol annimali oħra. Għall-ewwel ħa din il mistoqsija biċ-ċajt iżda iktar ma beda jgħaddi ż-żmien iktar beda jħossu ipokrita jiffinanzja l-abbuż fuq tant kreaturi innoċenti u b’hekk sar veġetarjan.

Iżda ma waqafx hemm, wara li ra kemm qed iseħħu atti diżumani fl-industrija ‘tad-dairy’ għaddew ftit snin u qaleb vegan. Issa Ryan ilu vegan għal madwar 6 snin u l-unika dispjaċir li għandu huwa li ma għamilx dan il-pass qabel.

“Ħafna nies jaħsbu li tkun vegan ifisser tiċċaħħad minn ħafna affarjiet, però m’huwiex il-fatt!” kompla jsostni Ryan li illum sar vuċi għal dawn il-ħlejqiet mingħajr leħen. Hu jisħaq li m’hemmx differenza bejn annimal ‘ tar-razzett’ u annimal ‘domestiku’.

Kull annimal jistħoqqlu ħajja diċenti u mħabba. Fil-fatt huwa ġab paragun bejn annimal li ħafna drabi jiġi meqjus bħala maħmuġ : il-ħanżir, u annimal maħbub ħafna : il-kelb. Ryan semma il-fatt li il-ħnieżer vera jafu jħobbu u jirrifjutaw li jħammġu fil-post fejn jgħixu u fejn jieklu.

Fil-fatt huma meqjusin bħala iktar intelliġenti u iktar nodfa mill-klieb. Iżda sfortunatamnet il-ħanżir jintefa ġo C02 chamber, jifga bil-mod hu u jissielet għal ħajtu, biex jintilef minn sensieh ħalli jiġi mħanxar u jitbattal mid demm, filwaqt li kelb nħobbuh u nitkazzaw jekk jinħaqar.

L-istess nuqqas ta’ kompassjoni tintwera ukoll lejn il-fniek li jgħixu ġo gaġġa żgħira u skomda ħajjithom kollha sakemm jaqalgħu dik id-daqqa ta’ lembuba jew xi ħaġa agħar.

Dawn l-annimali li semmejna kolla jistgħu jgħixu flimkien. Fil-fatt Ryan stedina mmorru sas-Sunshine Animal Sanctuary. F’Dan is- santwarju wieħed jista’ jżur: kelba, żewġt iħnieżer,serduk, fniek u annimali oħra li ġew salvati minn ħajja ferm anqas pjacevoli minn dik li għandhom issa. Sunshine sanctuary huwa biċċa ġenna żgħira li tfakkar lil kull min iżurha li l-animali kolla fihom ħafna iktar gost ħajjin milli mejtin fuq platt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com