Għaliex Spiċċat Fuq Ġurnal Ġermaniż Din It-Tfajla Maltija?
Rachel hija tfajla Maltija gradwata fl-istudji tat-turiżmu, u bħalissa qed tagħmel Masters fil-Ġermanja dwar il-patrimonju dinji ,Masters li ġie idisinjat propju mill-UNESCO.
Hi ġiet innominata mill-Università Ġermaniża sabiex tiġi ntervistata mill-ġurnal “Lausitzer Rundschau”. Din in-nominazzjoni ingħatat lil studenti li waqt il-pandemija qattgħu il-ħin tagħhom b’mod eżemplari.
Rachel kienet ġiet Malta għal btala qasira iżda spiċċat qattgħet semestru sħih hawn f’pajjiż twelidha minnħabba li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19. F’dan iż-żmien din it-tfajla vivaċi, apparti li baqgħet tistudja onlajn fil-qilla t’Awwissu, xammret il-kmiem u bdiet titgħallem tibni dgħajsa tradizzjonali Maltija! Meta l-Università Ġermaniża saret taf li din l-istudenta ħadet ir-riċerka tagħha dwar bini ta’ dgħajjes tradizzjonali pass iktar (jiġifieri meddet idejha u ħadmet fuq waħda) huma kienu sodisfatti ferm u riedu li jagħmlu xi ħaġa dwar dan.
Din it-tfajla hija waħda umli mmens u b’hekk saħqet li qed tagħmel dan mhux għall-popolarità tagħha iżda għax temmen li id-dinja u it-tradizzjonijiet tagħha għandhom jiġu miżmuma u ċċelebrati, speċjalment dawk rikki ta’ Malta. Persuna oħra bi prinċipju simili huwa r-raġel li ppermetilha titgħallem dwar id-dgħajjes tradizzjonali li jibni hu – Andrea Delceppo. Delceppo għandu l-unika kumpanija li tibni dgħajjes tradizzjonali Maltin full-time.
Hu laqa’ lil Rachel u ħalliha tiżboħ, issammar il-ħabel tal-qoton u tixkatla l-injam. Għall-ewwel din l-affari in-nies tax-xatt tal-kalkara rawha kemxejn stramba, però biż-żmien saħansitra bdew jinżlu jofrulha xi biċċa dulliegħa filwaqt li jitħaddtu xi ftit waqt li kienet tkompli ix-xogħol volontarjat tagħha. Permezz ta’ Andrea, Rachel tgħallmet ħafna dwar il-bini u ir-restawr ta’ dawn id-dgħajjes tant prezzjużi għall-identità Maltija u b’hekk laħqet milja oħra fl-għan tagħha li tikkonserva b’mod awtentiku il-wirt storiku.
Filfatt Rachel kompliet tgħidilna li, “l-għan tiegħi hu li ngħaqqad il-patrimonju Malti ma’ dak internazzjonali billi nesponi lil Malta ma‘ pajjizi oħra għal aktar għarfien u kuxjenza globali. Huwa mportanti mmens li l-wirt storiku nirrestawrawh u mhux nimmodifikawh b‘tali mod li nkunu tlifna l-preġju tiegħu, filwaqt li nżommu n-narrattiva storika awtentika biex inżommu l-identità nazzjonali u nħallu lill-ġenerazzjoni ta’ warajna jgawdu dan it-testimonju verament inkredibbli“.