Grupp Ieħor Ta’ Immigranti Rilokati Lejn Il-Ġermanja
Grupp ta’ immigranti, bil-maġġoranza tagħhom nisa u tfal, ġew rilokati lejn il-Ġermanja bħala parti mill-impenn tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jiġu rilokati numru ta’ immigranti irregolari minn Malta.
Malta tibqa’ l-pajjiż l-aktar affettwat mill-immigrazzjoni irregolari meta tqabbel in-numru tal-popolazzjoni u d-daqs ta’ pajjiżna. Ir-rilokazzjoni hija waħda mill-aktar miżuri effettivi sabiex jittaffa l-piż fuq is-sistema tal-ażil ta’ pajjiżna kif ukoll fuq iċ-ċentri tal-immigranti. Immigranti li jiġu rilokati minn Malta jkomplu l-proċess tal-ażil fil-pajjiż fejn ikunu ġew rilokati. Għaldaqstant, dak il-pajjiż ikun responsabbli biex jiġi determinat jekk l-immigranti jkunux eliġibbli għall-protezzjoni.
Minkejja li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ immigranti irregolari li waslu f’pajjiżna fix-xhur li għaddew, il-gvern kompla jaħdem sabiex iżid in-numru ta’ immigranti irregolari li jiġu rilokati jew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu minn Malta.
Din ir-rilokazzjoni seħħet permezz ta’ koordinazzjoni minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi kif ukoll mal-awtoritajiet relevanti fil-Ġermanja.
Il-preparamenti għar-rilokazzjoni tal-immigranti tinvolvi wkoll l-assistenza ta’ Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Korp tal-Pulizija, l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni kif ukoll l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO). Ir-rilokazzjoni hija kofinanzjata mill-assistenza għall-emerġenza fil-Fond għall-Ażil, Immigrazzjoni u Integrazzjoni (AMIF).