Hibernians bl-aktar kampanja akkwisti produttiva fis-suq ta’ Jannar

 Hibernians bl-aktar kampanja akkwisti produttiva fis-suq ta’ Jannar

Bla dubju li l-isfidanti għar-rebħ tal-Kampjonat dan l-istaġun Hibernians kienu l-aktar produttivi fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar li għadu kemm intemm.

Waqt li żammew l-elementi mportanti kollha fl-iskwadra huma saħansitra żiedu magħha, hekk kif il-Pawlisti saħħew l-attakk diġa miċidjali, b’mod sinjifikanti.

L-akkwist (ritratt) jew ir-ritorn tal-Brażiljan Gilmar Ribeiro fl-aħħar siegħat qabel għalaq is-suq tat-trasferimenti din il-ġimgħa żgur li kien iċ-ċirasa fuq il-kejk biex issa verament il-Pawlisti għandhom skwadra b’saħħitha biżżejjed li żgur mhux forsi u sal-aħħar nifs se tisfida lil Ħamrun Spartans u possibilment timijiet oħra għar-rebħ tat-titlu dan l-istaġun.

Apparti Gilmar mingħand Sliema Wanderers, liema trasferiment seta’ jseħħ bl-intervent tal-bord minħabba transfer ban li għandhom dawn tal-aħħar, Hibernians saħħew l-attakk ukoll bl-akkwist jew ritorn ta’ żewġ attakkanti oħra li diġa kienu magħhom fil-passat, l-Arġentin Imanol Iriberri li beda l-istaġun ma’ Ħamrun Spartans u Tiago Fonseca li rritorna f’Raħal Ġdid wara li rebaħ il-Kampjonat ma’ Floriana.

Ħamrun Spartans li qed jokkupaw l-ewwel post żewġ punti biss fuq Hibernians ukoll saħħew l-attakk bl-akkwist tal-ex Roma u Newcastle Seydou Doumbia, r-ritorn tal-Marokkin Lagzir Soufiane, li iżda weġġa mill-ewwel u se jagħmel diversi ġimgħat barra, kif ukoll David Johnson Yeboah, attakkant mill-Ghana li sorsi jgħidu tajjeb daqs Jorge Ailton Soares jew “Dodo” kif inhu magħruf dan tal-aħħar u fil-wiesa l-aqwa barrani fil-Kampjonat BOV Premier dan l-istaġun sa’ issa.

Wieħed ma’ jridx iħalli barra lil Gżira United li ukoll qiegħdin b’għajta tajba fl-isfida għat-titlu.

Il-Brażiljan Maxuell Maia diġa ħalla mpressjoni tajba u qed isib ix-xibka b’mod frekwenti, waqt li Steve Pisani u d-dinamiċita tal-internazzjonali Malti jagħtu aktar għażliet fi skwadra diġa brillanti għal Maroons u mmexxija mill-kowċ Darren Abdilla.

Wieħed jirrimarka li t-trasferiment ta’ Steve Pisani kien l-aktar wieħed sinjifikanti fost players Maltin, mill-bqija kien suq ferm fqir fejn jidħlu players lokali.

Fost akkwisti oħra li għandhom isaħħu t-teamijiet rispettivi, Tommy Veronese ex Tarxien u Gżira United lura fix-xena ma’ Gudja United, il-veteran Michael Mifsud ingħaqad mal-għaxar klabb tiegħu fil-karriera u diġa ddebutta ma’ Mosta FC, Santa Lucia li qed ikollhom kampjonat stupend ukoll issaħħew bi players t’esperjenza fil-Premier bħal Augisto Caseres b’self mingħand Floriana, Nicky Pulis għal kollox mingħand Valletta, Edafe Uzeh mingħand Hibernians u l-goalkeeper Miguel Montfort wara l-esperjenza tiegħu ma’ Sirens.

Għall-aħħar, l-akbar diżappunti tal-istaġun sa issa r-rivali Valletta u ċ-Champions Floriana.

Il-Lillywhites mistennija jkunu aħjar bil-kisba tad-difensur Serb Ivan Maric u l-ex Botafogo b’esperjenza kbira fl-ogħla diviżjoni Brażiljana, Lucas Campos, il-Greens għadhom sa issa kaxxa magħluqa, l-uniċi żewġ akkwisti u fi żmien fejn jidher għaddej ċaqlieq kbir fl-amministrazzjoni, f’Jannar huma kisbu lill-Olandiż Jeroen Lumu u l-Brażiljan Adriano Louzada.

Tal-aħħar żgur, ma semmejniex lil Sliema Wanderers, Birkirkara u Senglea Athletic għax bħalissa dawn it-tlieta għandhom ‘transfer ban’ u għalhekk ma’ setgħawx ikunu attivi fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar li għadu kemm intemm.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com