Id-Dar Tal-Providenza Ma Taċċettax In-Nofs Miljun Ewro Li Ppreżenta Delia F’Isem Catco Group
Id-Dar tal-Providenza qalet li mhix f’pożizzjoni li taċċetta d-donazzjoni li ppreżenta l-ex Kap Nazzjonalista Adrian Delia ta’ €500,000 f’isem Catco Group wara li din tal-aħħar naqset milli tipprovdi informazzoni relevanti li talbet id-Dar tal-Providenza bħala parti minn proċess ta’ verifika.
Dan tħabbar fi stqarrija uffiċjali s-Sibt waranofsinhar mid-Dar tal-Providenza fejn qalet li wara li CATCO Group wegħdu s-somma ta’ €500,000 għad-Dar tal-Providenza, id-Dar formalment talbet kumpanija lokali stabilità ta’ awditjar u konsulenza biex tagħmel eżerċizzju ta’ verifika.
Qalet li d-Dar tal-Providenza kienet infurmata minn din il-kumpanija li ċ-ċermen tal-Grupp ma pprovdiex l-informazzjoni relevanti mitluba minnu bħala parti mill-proċess ta’ verifika.
Għaldaqstant id-Dar tal-Providenza filwaqt li wriet l-apprezzament tagħha għal dan il-ġest sabiħ, mhix f’pożizzjoni li tirċievi din id-donazzjoni. Is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta kien infurmat b’dan l-iżvilupp.
Għalhekk is-somma finali miġbura waqt il-Festa ta’ Ġenerożità li saret nhar l-1 ta’ Jannar 2021 kienet dik ta’ €2,031,540.
Id-Dar tal-Providenza qalet li tibqa’ impenjata li tipprovdi l-aqwa servizz possibbli biex tappoġġja lir-residenti ħalli jgħixu ħajjithom bid-dinjità li tixirqilhom.