“Iddeċidejt li noffri r-riżenja tiegħi minn Segretarju Parlamentari pendenti l-eżitu tal-proċess” – Rosianne Cutajar

 “Iddeċidejt li noffri r-riżenja tiegħi minn Segretarju Parlamentari pendenti l-eżitu tal-proċess” – Rosianne Cutajar

Is-Segretarju Parlementari Rosianne Cutajar f’messaġġ twil fuq il-facebook tagħha spjegat dak kollu li bħalissa kien qed ikun fuq il-midja fir-rigward tagħha. “Fl-aħħar ġimgħat kont soġġetta għal diversi attakki inġusti, spins politiċi u kummenti qarrieqa.”

“Mhux ħa nidħol fil-mertu ta’ kif hemm min għandu aċċess għal konversazzjonijiet privati, minkejja digriet ċar mill-Qorti li jgħid li dan hu reat kriminali.”

“Se nikkummenta biss fuq kif, b’mod selettiv, qed jinħarġu għadd ta’ messaġġi mingħajr kuntest, li jmorru lura għall-2019 meta ma kelli ebda kariga eżekuttiva. Dan biex mingħalihom ikissru r-reputazzjoni tiegħi u jagħmlu ħsara lill-Gvern u lill-Partit Laburista.”

Qalet: “Diġà għidt pubblikament, u nerġa’ ntenni: qatt m’għamilt negozju ma’ Yorgen Fenech. Minkejja li kont nafu, l-mument li sar magħruf li hu akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jien qtajt kull kuntatt.”

“Inkun ċara: tul is- snin li kont naf lil Yorgen Fenech, qatt ma użajt l-ebda kariga politika tiegħi biex ninfluwenza xi proċess jew deċiżjoni. Qatt ma ntlabt nagħmel dan, u lanqas kieku intlabt, qatt ma nasal li nikser il-patt ta’ fiduċja li għandi magħkom. Fil-karriera politika tiegħi dejjem aġixxejt b’mod integru u korrett.”

Qalet li fuq dan se tieqaf hawn u l-kumplament se tispjegah bl-aktar mod miftuħ  quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

“Fil-frattemp, wara ħafna riflessjoni, iddeċidejt li noffri r-riżenja tiegħi minn Segretarju Parlamentari pendenti l-eżitu tal-proċess. F’dan iż-żmien li ġej se nkun qed niddefendi ismi bl-iktar mod konvint u onest.”

Tenniet li dan qed tagħmlu b’rispett lejn il-Partit Laburista li ilha timmilita fih għal dawn l-aħħar 10 snin u għax trid li l-Gvern ikompli jaħdem f’serenità. “F’mument fejn qed jidher kemm dan hu pajjiż fejn tirrenja l-ġustizzja u s-saltna tad-dritt, mhux se nħalli lil min juża lili biex jipprova jattakka lill-Gvern Laburista u jkisser il-ġid li qed inġibu għall-pajjiż.”

Saħqet ukoll li mhu se tħalli ebda allegazzjonijiet foloz u malinni jtappnu r-riformi li ilha tant taħdem għalihom u li se jitwettqu għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Temmet billi rringrazzjat lil kull min ta appoġġ.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com