Igawdu Minn Inizjattiva Ta’ Zija Ta’ Tifel Bl-Awtiżmu
Paula Briffa għandha neputi ta’ ħames snin li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu. Ftit tax-xhur ilu kienet qed tinnota li n-neputi tagħha Diego Tabone kien jibki biex imur ma’ kuġinuh jilgħab il-futbol.
Kien hawnhekk li sar kuntatt mal-klabb tal-futbol ta’ Żebbuġ Rangers, li min-naħa tiegħu, flimkien mat-tmexxija tan-Nursery, offrew il-faċilitajiet kollha inkluż servizzi ta’ kowċis.
Il-paġna I am Diego li nfetħet għal dan il-għan, iffjorixxa bħal leħħa ta’ berqa. Fil-fat tillum, bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva huma bosta t-tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu li ta’ kull nhar ta’ Ħadd filgħodu qed jitlaqgħu n-Nursery ta’ Żebbuġ Rangers, fi proġett pilota għal sessjonijiet ta’ eżerċizzji fiżiċi u futbo.
Is-sessjonijiet ta’ taħriġ lil dawn it-tfal qegħdin jitmexxew mill-coaches Darren Cachia, li huwa wkoll is-Segretarju tal-Youth Nursery ta’ Żebbuġ Rangers FC, Elton Calleja u Romario Briffa bl-assistenza tal-volontieri Paula Briffa u Sharon Scicluna.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajjar Julia Farrugia Portelli segwiet waħda minn dawn is-sessjonijiet u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal din l-inizjattiva.
“F’dak li qiegħed isir ma’ dawn it-tfal, jispikka s-sabiħ tal-volontarjat, il-kollaborazzjoni tal-għaqdiet sportivi, u r-rieda tal-parteċipanti u tal-familji tagħhom. Kollha flimkien jsaħħulna d-determinazzjoni tagħna bħala gvern favur il-prinċipju tal-inklużjoni. Prinċipju li għandu postu f’kollox, kemm jekk inhi karriera, kif ukoll fil-qasam sportiv. Ladarba jkun hemm din ir-rieda, din id-determinazzjoni, allura kull ostaklu jkun jista’ jingħeleb fil-parametri taċ-ċirkostanzi,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli.