Il-BCA Tkompli Taħdem Biex Tirriforma L-Industrija Tal-Kostruzzjoni

 Il-BCA Tkompli Taħdem Biex Tirriforma L-Industrija Tal-Kostruzzjoni

Intensifikat l-iskrutinju fuq il-method statements, irduppjati l-ispetturi għall-bini u l-kostruzzjoni sal-aħħar tas-sena, imniedi freephone ġdid għal rapporti fuq irregolaritajiet

L-Aġenzija tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) tkompli taħdem biex tirriforma l-industrija tal-kostruzzjoni fil-gżejjer Maltin. L-aġenzija tinsab biss ġimgħat ‘il bogħod milli ssir Awtorità u qed isiru numru ta’ riformi fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni. Dawn tħabbru mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Onor. Aaron Farrugia u mis-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni, Onor. Chris Agius, waqt żjara fuq sit ta’ kostruzzjoni bil-għan li jiskattaw sensiela ta’ riformi neċessarji.

Numru ġdid tat-telefon bla ħlas ġie introdott għall-pubbliku, sabiex jirrapporta kwalunkwe irregolarità waqt xogħlijiet ġewwa siti tal-kostruzzjoni. L-għan ta’ dan in-numru ġdid huwa li jindirizza t-tħassib tal-pubbliku u jiżgura li kulħadd iħossu sigur f’ daru. Kull min ikun inkwetat dwar xi irregolaritajiet jista’ jċempel fuq it-8004 9000 biex jitlob l-assistenza. L-isforzi tal-BCA biex tirregola l-industrija ġew imsaħħa wkoll bir-reklutaġġ ta’ numru ta’ Spetturi tal-Bini ġodda matul l-aħħar xhur. Seba’ spetturi ġodda reċentement ingħaqdu mal-Aġenzija, u b’ hekk it-total issa jammonta għal għaxar spetturi. Il-BCA tkompli taħdem lejn industrija tal-kostruzzjoni sostenibbli fil-gżejjer Maltin. Fattur ewlieni hawnhekk huwa li tiffoka fuq it-titjib tal-konformità u l-infurzar, u bħala tali, in-numru ta’ spetturi tal-bini huwa wkoll mistenni li jirdoppja sa tmiem din is-sena.

Dawn l-Ispetturi tal-Bini għandhom l-obbligu li jissorveljaw is-siti tal-kostruzzjoni regolarment, kif ikun meħtieġ, sabiex jiżguraw li huma konformi mal-proċeduri amministrattivi, kif ukoll mal-liġijiet u r-regolamenti attwali. Huma jinvestigaw ir-rapporti kollha ta’ irregolaritajiet u jiżguraw li jsegwu s-sit f’każ li ma jkunx konform. Dan isir billi jżuru s-siti regolarment u jirrakkomandaw azzjoni xierqa, jżżommu il-fajls tal-każijiet kollha aġġornati u jżommu s-sistema ta’ informazzjoni dwar l-infurzar aġġornata.

“F’dawn ix-xhur l-Aġenzija ħadmet biex iddaħħal sistemi ġodda amministrattivi, fosthom sistema ġdida dwar il-liċenzjar tal-bennejja, nediet dokumenti uffiċjali, ħadmet fuq abozzi ta’ liġijiet, fetħet fergħa f’Għawdex, saħħet il-preżenza tagħha fil-lokalitajiet kollha u għalkemm il-politika tagħna kienet li nedukaw lis-settur, xorta waħda għadhom jeżistu ċirkostanzi fejn din is-sezzjoni kellha tieħu azzjoni. Fil-fatt, tul is-sena li għaddiet, il-BCA ħarġet 38 multa, ssiġillat 4 siti ta’ kostruzzjoni, fetħet 3 kwereli mal-Pulizija minħabba ksur tal-liġi u ħarġet 48 ordni t’ infurzar. Tul l-istess sena saru 4,077 spezzjoni madwar Malta u 437 f’Għawdex, u ġew pproċessati 2,595 ilment”, qal l-Onor. Chris Agius.

Rapporti tal-Kundizzjoni tal-bini u Dikjarazzjonijiet tal-Metodu ta’ proprjetajiet kontigwi huma vitali f’ċirkostanzi bħal dawn, kif ipprovdut mir-Regolamenti dwar l-Evitar ta’ Ħsara lil Proprjetajiet ta’ partijiet Terzi. Il-BCA tiżgura li kull min qed jippjana li jwettaq kwalunkwe xogħol ta’ kostruzzjoni għandu jippreżenta d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa qabel il-bidu tax-xogħlijiet. Huwa importanti li wieħed jinnota li s-sidien ta’ proprjetà fejn is-sit ta’ kostruzzjoni jistgħu joġġezzjonaw billi jissottomettu rapport imħejji minn perit li jenfasizza l-kwistjonijiet rilevanti. Grupp ġdid ta’ esperti issa se jkun qed iwettaq kontrolli fuq dikjarazzjonijiet tal-metodu ta’ kostruzzjoni. Il-BCA għandha l-intenzjoni li tirċievi espressjonijiet t’ interess għall-provvista ta’ servizzi professjonali ta’ periti biex tivvaluta dikjarazzjonijiet tal-metodu ta’ kostruzzjoni li jkopru xogħlijiet ta’ twaqqiegħ, tħaffir u kostruzzjoni sottomessi minn periti responsabbli għall-proġetti.

Il-BCA reċentement implimentat ukoll sistema ġdida għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-bennejja u dawn issa jinsabu fil-proċess li jiġġeddu wara numru ta’ snin. Il-bennejja għandhom dejjem iżommu l-liċenzja magħhom fuq il-post, minħabba spezzjonijiet li jistgħu jsiru fi kwalunkwe ħin. Reġistru tal-bennejja kollha liċenzjati huwa disponibbli fuq: www.bca.org.mt/masons-list.

“Fil-ġimgħat li ġejjin il-gvern se jkun qed iħabbar aktar riformi, skemi u miżuri id f’id mal-partijiet interessati kollha sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa. Din ir-riforma se timmodernizza, tissalvagwardja u ssaħħaħ l-industrija filwaqt li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja u tipprovdi serħan tal-moħħ lill-familji kollha f’Malta u Għawdex,” il-Ministru Farrugia qal.

Il-BCA tipprevedi settur tal-bini u l-kostruzzjoni li jirregola lilu nnifsu. L-għan ta’ miżuri bħal dawn huwa li jkomplu jipprovdu serħan tal-moħħ lill-familji u jiżguraw li l-industrija tkun aktar sigura u sostenibbli.

“Il-missjoni tagħna hija li noħolqu stabbiltà u responsabbiltà fis-settur tal-bini u l-kostruzzjoni, biex b’hekk inrawwmu ambjent aħjar għal kulħadd” qal Ivor Robinich, CEO ta’ BCA.

Wieħed jista’ jikkuntattja lill-BCA billi jibgħat email fuq [email protected]. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur is-sit www.bca.org.mt.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com