Il-Ministeru Għall-Intern Se Jgħin B’rabta Mal-Iskorti Tan-Nar
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ddikjara li se jkun qed imexxi ’l quddiem inizjattiva li tgħin lis-soċjetajiet li jaħdmu fil-festi b’rabta mal-ħlas għall-iskorta tal-piroteknika.
B’referenza għall-istqarrija tal-Membru Parlamentari Edwin Vassallo dwar il-ħlas tal-iskorti għad-dilettanti tan-nar, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi jfakkar li diġà saru dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar għajnuna li se tingħata.
Il-Ministru Byron Camilleri spjega kif fl-aħħar xhur ittieħdu passi biex tissaħħaħ is-sistema tal-extra duty tal-pulizija. Fuq quddiem nett biex il-ħaddiem jieħu dak li hu tiegħu, inkluż ħlas doppju fi Ħdud u festi u biex meta pulizija jinqala’ biex jaħdem extra duty dan isir għal minimu ta’ sigħat. Dan b’rispett sħiħ lejn id-dinjità tal-pulizija bħal ħaddiem li ħaqqu kundizzjonijiet xierqa.
Il-Ministru Camilleri żied jgħid li jifhem li din il-bidla setgħet laqtet lis-soċjetajiet li jaħdmu fil-qasam tal-piroteknika u dawk li jkollhom piroteknika fil-festa tagħhom, u għalhekk qed jaħdem fuq inizjattiva biex tgħinhom itaffu l-piż.
Fil-jiem li ġejjin l-għajnuna se tkun ikkomunikata lil organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn is-soċjetajiet.