Il-PBS Se Jappella Mis-Sentenza Li Rebaħ John Bundy

 Il-PBS Se Jappella Mis-Sentenza Li Rebaħ John Bundy

Il-Bord tad-Diretturi tal-PBS ħabbar li se jkun qiegħed jappella s-sentenza mogħtija mit-Tribunal Industrijali l-ġimgħa li għaddiet dwar it-tkeċċija tal-eks Kap Eżekuttiv tal-kumpanija s-Sur John Bundy. Il-Bord tad-Diretturi qal li ħa tliet pariri legali indipendenti li lkoll kienu tal-fehma li hemm bażi soda għall-appell.

John Bundy rebaħ il-kawża li fetaħ kontra l-PBS wara li kien argumenta li fl-2017 tkeċċa inġustament mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv u fl-istess waqt saritlu ħsara kbira. It-Tribunal ddeċieda li John Bundy għandu jingħata kumpens ta’ aktar €225,000.

Il-Bord kien qal li d-deċiżjoni kienet riżultat ta’ allegat nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ procurement wara ftehim ma’ kumpanija lokali għall-bejgħ tal-karozzi qodma tal-PBS u l-kiri ta’ oħrajn ġodda mingħajr ma ħareġ tender bl-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-PBS.

Bundy dejjem insista li mhux talli nnegozja l-aqwa ftehim possibbli għall-PBS bl-akbar trasparenza iżda tul il-proċess kollu mill-bidu sal-aħħar kellu miegħu lill-kontrollur finanzjarju u l-procurement manager tal-PBS – li qatt ma qalulu li kellu joħroġ tender.

Il-Bord tad-Diretturi tal-PBS temm jgħid li iddikjara li se jkun qiegħed iħares l-interessi tal-kumpanija kif inhu fid-dover li jagħmel.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com