Ir-Royal Malta Yacht Club Tospita T-Tieni Tellieqa – Spring Coastal Series

 Ir-Royal Malta Yacht Club Tospita T-Tieni Tellieqa – Spring Coastal Series

Ir-Royal Malta Yacht Club ospitat t-tieni tellieqa tas-Spring Coastal Series fejn flotta mdaqqsa pprovdiet azzjoni fil-Port ta’ Marsamxett hekk kif telqu fuq korsa ta’ madwar 20 mil nawtiku li ħadithom lejn in-nofsinhar ta’ Malta fid-direzzjoni ta’ Bengħajsa. Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu kważi perfetti bi ftit imbatt u riħ li jvarja bejn Forza 3 u Forza 4 mix-Xlokk.

L-ewwel jott li ħareġ mill-bokka tal-port kien Comanche Raider III ta’ Ramon Sant Hill. Hu ħa postu fuq quddiem mill-bidu nett. Warajħ kien hemm il-jott Inspiration ta’ Godwin Zammit, Time Out ta’ Mario Sant u Jarhead tal-Jarhead Young Sailors Foundation misjuq minn Emilie Gregory. Comanche Raider III żamm il-vantaġġ biex spiċċa l-ewwel, segwit minn Jarhead u Manana ta’ Peter Ellul Vincenti. Bis-sistema ta’ handicap IRC tidħol fis-seħħ kien Jarhead, li ħa l-unuri għall-ġurnata.

Jingħaqdu ma’ Jarhead fl-ewwel postijiet tal-klassifika provizorja kienu żewġ J92s. It-tieni post mar għand Jlance, immexxi minn Kristian Borg Nicolas, filwaqt li t-tielet post ġie għal Alecto ta ’Charles Cronin.

Ir-riżultati tat-tellieqa huma meqjusa proviżorji sa meta jiġi fit-tmiem is-Serje. Se jingħataw punti lil kull jott li jmurru lejn il-Coastal Race Challenge Trophy, skont il-pożizzjoni ġenerali tagħhom f’kull tellieqa li tvarja skont in-numru ta’parteċipanti. It-tellieqa li jmiss se tkun korsa qasira u hija skedata li ssir nhar il-Ħadd 7 ta ‘Marzu fil-11:00 ta’ filgħodu.

 

Ritratt: RMYC/Maria Vella-Galea

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com