“Jekk ma’ tinbidilx il-kultura l-futbol f’Malta se jibqa tad-delettanti”.. Robert Micallef President ta’ Santa Lucia FC
Santa Lucia FC, bla dubju l-aktar klabb fil-Futbol Malti li għamel progress f’dawn l-aħħar ħames snin.
Propju ħames staġuni ilu kienu fit-Tielet Diviżjoni fejn kienu maħkuma fl-agħar livell tal-Futbol Malti għal diversi snin, iżda bl-injezzjoni pożittiva ta’ l-ewwel Martin Agius u issa Robert Micallef, dejjem imdawrin bl-entużjażmu ta’ nies li m’għandhom xejn għal qalbhom aktar ħlief il-ġid ta’ dan il-klabb, ħames snin wara Santa Lucia jinsabu Premier u qed jistabilixxu ruħhom f’dan l-aqwa Kampjonat fil-Futbol Malti.
StradaRjali tkellem mal-President attwali ta’ Santa Lucia FC Robert Micallef li prattikament mess ma’ diversi punti f’din l-intervista nteressanti li aktar minn kollox telenka kif dan il-klabb qed jipprova joħroġ mil-‘comfort zone’ li għal snin twal ħliet iż-żmien ta’ ħafna nies fil-futbol Malti, “Jekk ma’ tinbidilx il-kultura l-futbol f’Malta se jibqa tad-delettanti”, waħda mid-dikjarazzjonijiet iebsin iżda veritjiera ta’ Micallef f’din l-intervista.
Klabb li bid-diffikultajiet kollha ta’ bħalissa anke bil-pandemija qed ikun minn ta’ quddiem li jixpruna l-operat professjonali fil-Futbol Malti, li fi kliem Micallef jiġi qabel ir-riżultat fuq il-pitch biex klabb tal-Futbol ikun sostenibbli, jiġġenera aktar introjtu biex jibqa jopera’ fuq bażi b’saħħitha u l-idea issa antika ta’ ‘suger daddy’ fil-Futbol Malti tmut darba għal dejjem.
Fl-intervista hawn taħt Robert Micallef jitkellem ukoll fuq l-istaġun pożittiv li s-Saints qed ikollhom, il-kowċ Oliver Spiteri, ż-żgħażagħ u l-barranin fit-tim, kif ukoll l-aħħar akkwisti fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar u li għadu kemm intemm.
F’ħames snin mit-Tielet Diviżjoni għal klabb stabbilit fil-Premier. X’inhu s-sigriet wara dan is-suċċess ???
Onestament jien ma’ kontx involut mill-bidu. Fuq talba tal-President preċedenti (Martin Agius) bdejt ninvolvi ruħi u ngħin fit-tmexxija minn mindu l-klabb ġie promoss fl-ogħla diviżjoni. Madankollu, għalkemm il-klabb kien jonqsu jorganizza ruħu ħafna minn naħa amministrattiva u dik sostenibbli, mill-ewwel ntbaħt li fost l-membri tal-kumitat kien hemm determinazzjoni u għaqda kollettiva biex jagħmlu l-pass li jmiss. Dawn il-prinċipji kienu ġew riflessi wkoll fuq dawk kollha li b’xi mod kienu involuti specjalment it-tim tekniku, l-plejers, u l-partitarji. Naħseb dawn kienu dejjem l-ingredjenti prinċipali ta’ dan is-suċċess flimkien ma l-imħabba lejn ir-raħal u l-klabb.
Il-klabb qed jikseb dejjem aktar rispett anke wara d-draw riċenti ma dawk li faċilment jistgħu ikunu ċ-Champions il-ġodda (Ħamrun Spartans), kemm jitfa aktar piż fuqek u n-nies ta’ madwarek ???
Jien persuna determinata ħafna u niffaċja kull sfida b’wiċċi l’quddiem għax nemmen fl-objettivi rejalistiċi li flimkien ma sħabi nixtiequ nilħqu. Meta ġejt konfermat President, l-ewwel messaġġ lil sħabi fit-tmexxija kien wieħed lil hinn mir-riżultati fil-grawnd, l-aktar ħaġa mportanti hija l-mod kif naħdmu, l-mod kif nużaw ir-rizorsi li għandna u l-professjonalita li rridu nimplimentaw fix-xogħol taghna. Jekk dawn isiru kif meħtieġ li jsiru, l-kumplament ikun awtomatikament aktar faċli. Kuntent li dan qed jiġi mwettaq u allura ma nħoss l-ebda piż. Sakemm kollox isir kif suppost, bil-passjoni u lejalta, m’hemmx dubju li l-formula tkun waħda rebbieħa.
Personalmemt tħossok amministratur aħjar u b’aktar esperjenza wara li assumejt dan l-irwol xi snin ilu ma’ Marsaxlokk ???
Iż-żmien ta Marsaxlokk kien wieħed feliċi wkoll. Pero illum huwa passat, imma passat li tgħallimt ħafna minnu. Fil-perjodu li għamilt wieqaf rnexxieli nikseb degree fix-xjenza sportiva mill-Universita ta’ Malta u f’dan iż-żmien intbaħt kemm ma kont naf xejn, imma kemm verament għandi l-isport għal qalbi. Tgħallimt ħafna u llum kommess li nwettaq kemm jista jkun fil-prattika dak li nħoss li tant hemm bżonn fit-tmexxija ta’ kull għaqda sportiva. Mingħajr tlaqliq nista ngħid li fuq livell lokali għad fadal ħafna u ħafna x’jsir, biex ma’ nghidx li ħafna klabbs tal-futbol, jonqoshom l-aktar affarijiet bazici. Mhux faċli li tbiddel il-kultura u l-mentalita imma lanqas hija mpossibli. L-istrategija li nixtieq nadotta fil-klabb hija sempliċiment waħda li ultimament il-klabb ikun wieħed immexxi bħal kwalunkwe ażjenda oħra.
Dejjem minn ta’ quddiem fil-barranin fl-aħħar snin, kif isir ir-reklutaġġ li rari jfallilkom ???
Jien nista nitkellem fuq dak li nemmen fih jiena. L-ewwel ħaġa, fiduċja assoluta fit-tim tekniku fejn tingħata l-għodda meħtiega speċjalment lil kowċ biex iwettaq xogħolu seren. Fl-aħħar mill-aħħar ir-responsabbilta assoluta tal-ingaġġ tal-plejers trid taqa fuq il-kowċ u t-tim tiegħu. Ovvjament hemm linji gwida, fuq kollox li l-ispiża finanzjarja tkun sostenibbli u kif ukoll xi ħaġa li nemmen ħafna fiha jien hija fi plejers żgħażagħ promettenti li jkunu jridu jagħmlu l-qabża fil-kwalita u għatxana għas-suċċess. Ovjamnet plejers b’ċertu esperjenza huma mportanti ukoll imma dawn ukoll jiġu magħżula bir-reqqa. Plejers li jilgħabu għal-konvenjenza ma jidħlux fil-vokabularju tiegħi.
Qed insemmu barranin, kellek erba’ li s-sajf li għadda ħallew il-klabb u ngħaqdu ma’ Gżira, kien hemm min ħaseb li dak seta kien il-bidu tat-tmiem għal dan il-klabb. Iżda ma’ kienx il-każ, X’ġara??
Kull sfida trid tgħaraf il-pożittiv tagħha u tieħu l-opportunita minna. Mhux se nidħol fil-mertu ta’ kif dawn l-erbgħa plejers ingħaqdu mal-Gżira, dik nħallija fuq il-kuxjenza ta’ min kien involut fil-manuvri, ngħid jien diżgustanti li seħħew. Pero dan ma kienx l-akbar ostaklu li l-klabb kien qed jiffaċċja f’Ġunju li għadda, kien hemm hafna issues aktar importanti li kien jeħtigilhom prijorita. Ftakar li l-klabb jibqa l-akbar entita u ħadd mhu ikbar minnu, l-plejers huma fattur importanti imma min naħa l-oħra mhumiex indispensabbli, bħal ma jgħid il-Malti, imut suldat u jitwieled ieħor aħjar. Dak li għamilna, rajna kif dawn l-erba’ plejers jiġu sostitwiti minn plejers aħjar u naħseb sa ċertu punt irnexxielna.
Oliver Spiteri qed jiddistingwi ruħu bħala top kowċ f’Malta, kif dan il-kowċ irnexxilu jitrasforma t-tim, il-preġji u d-difetti tiegħu??
Bla dubju kowċ Oliver huwa kowċ bravissimu, kemm mill-għadd organizattiv u dak tekniku u tattiku. Wieħed mill-preġji li għandu żgur li kapaci jidentifika l-potenzjal f’ċertu plejers li ma jkunux bilfors qed jeċċellaw u jitrasformhom. Xhieda ta’ dan huma n-numru ta plejers, anke barranin li llum qed ikunu strumentali fit-tim ta’ Santa Lucia, li f’dawn l-aħħar sentejn għamlu qabża fil-kwalita. Nemmen li ftit kowċis għandhom din l-abilta. Nżied ukoll li jien komdu ħafna naħdem ma’ kowc Oliver, nifhmu lil xulxin u fil-maġġoranza jkollna l-istess ħsibijiet. Naħseb il-komunikazzjoni kontinwa li hemm bejnietna u t-trasparenza li nħaddnu f’xogħlna huma wkoll fatturi li joħolqu ambjent seren.
Tagħti garanzija li stilla bħal Kolumbjan Kevin Ante Rosero u barranin oħra ta’ livell għoli fit-tim se jibqgħu mal-klabb anke wara dan l-istaġun jew is-sitwazzjoni finanzjarja diffiċli għal kulħadd bħalissa tista ġġibkom biex tbiegħu l-aqwa elementi ??
Huwa fid-dover tagħna li l-assi tal-klabb jibqgħu mal-klabb pero dover mhux bilfors huwa obbligu sagrosant anke għaliex l-għażla ma taqax fuq it-tmexxija tal-klabb biss imma fuq il-plejer ukoll. Aħna żgur li nagħmlu minn kollox biex inżommu magħna kull plejer li l-kowċ jiddentifika pero m’aħniex se naqbżu l-limiti tagħna għax propju finanzjarjament problemi m’hemmx u ma nixtiequx li jkollna minħabba xi ġennata mhux kalkulata. Li nwiegħdu nwettqu u fil-ħin u dik se tibqa l-filosofija tagħna. Nispera li l-plejers ikunu għaqlin biżżejjed u jiżnu kollox għax il-flus huma mportanti iżda mhux kull ma’ jleqq hu deheb.
Diversi żgħażagħ Maltin li ukoll qed iħallu mpatt (tista ssemmi ismijiet), kif wasaltu għall-akkwist ta’ Nicholas Pulis mingħand Valletta u oħrajn, x’inhi s-sitwazzjoni b’Andreas Vella (il-goaler) (fl-iskwadra hemm player ieħor bl-isem ta’ Andreas Vella).
Iva, tnejn Andreas Vella u kuntenti li rnexxielna nikkonviċu lit-tnejn li huma biex jissieħbu magħna. Il-goalkeeper kien l-ewwel akkwist li għamilna din is-sena, u nemmen li jista jkun wieħed mill-aħjar goalkeepers Maltin fil-futur qarib. Bħalissa qed jirkupra minn injury li sofra li waslitu biex jagħmel intervent mediku u mistenni jirritorna fi żmien tlett ġimgħat oħra għall-aħħar rankatura tal-istaġun. Fin-nuqqas tiegħu ntroduċejna lil Christopher Farrugia, goalkeeper ta’ 19 il-sena, akkwist ieħor promettenti, li għamel xogħol impekkabli. Żgħażagħ promettenti oħra ukoll li llum anke qed jiġu msejħa mal-iskwadra Nazzjonali ta’ taħt il-21 sena jinkludu lil Andreas Vella, Liam McKay u Adam Magri Overend. Dawn kollha għandhom futur mill-isbaħ u kien propju l-klabb immexxi minni li qed jagħtihom l-opportunita li jilgħabu fl-ogħla diviżjoni. Nicholas Pulis huwa l-aħħar akkwist li għamilna u għalkemm għandu diġa esperjenza vasta għadu wkoll żagħżugħ. L-akkwist ta’ Pulis jimlina bil-kuraġġ għaliex mhux faċli li klabb bħal tagħna jikkonvinċi ċertu plejers pero jidher li x-xogħol li qed nagħmlu qed iħalli l-frott u qed niksbu l-fiduċja ta’ ħafna. Pulis, Jamie Zerafa u Kieran Xuereb huma tal-istess eta u b’sodisfazzjon kbir it-tlieta li huma emmnu fl-istrateġija tal-klabb u kkommetew ruħhom b’kuntratti li jorbtuhom għas-snin li ġejjien.
L-introjtu tal-klabb apparti sponsors, naf li intom klabb li malli tidħol tagħmlu l-aqwa użu biex tibbenefikaw mil-liġi tal-kummerċjalizazzjoni. Xi proġetti għandek f’moħħok long/short term biex dan il-klabb isir aktar self-sustainable u jiġġenera aktar introjtu ???
Il-pjanijiet tagħna huma long term u xewqa hija wkoll li fi snin li gejjin il-klabb jiġi self sustainable. Għandna proġett interessanti u diġa hemm kollox lest sabiex meta jkun il-mument jibda jiġi mwettaq. Ovvjament rridu nistennew il-proċess neċessarju mill-awtoritajiet konċernati fil-kuntest tal-liġi tal-kummerċjalizazzjoni. Jien ninsab ħerqan sakemm din il-ġurnata tasal għaliex nemmen li ġid biss jista jsir. Nispera li d-data tkun fil-qrib.
Staġun mill-aqwa sa issa l-isfida relegazzjoni kważi barra, x’inhuma l-objettivi minn issa sal-aħħar tal-istaġun ????
Din is-sena il-Kampjonat huwa kumbattut sa l-aħħar u fadal sakemm inkunu ċerti li mhux se niġu relegati. Fadlilna u x-xewqa tagħna hija dik li matematikament inkunu salvi malajr kemm jista jkun. Għaldaqstant, l-objettivi tal-klabb huma ibbażati fuq tlett fatturi, dik transitorja li għaddejjin minnha bħalissa, konsolidazzjoni fil-Kampjonat Premier u aspirazzjoni għal rebħ. Transizzjoni – Konsolidazzjoni – Aspirazzjoni.