Kumpanija Maltija Tal-Manifattura B’Investiment Ta’ €5.2 Miljun Biex Issaħħaħ L-Operat
Waqt żjara li għamlet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, ġie spjegat li l-kumpanija qed tinvesti f’makkinarju u f’infrastruttura li hi ambjentalment sostenibbli u li tipprovdi aktar effiċjenża fl-enerġija kkunsmata u fl-operat; investiment ta’ €5.2 miljun. Permezz ta’ dan l-investiment, il-kumpanija qed tħares ukoll biex tinvesti fi swieq oħra u għalhekk tkun qed tesporta barra minn xtutna.
“Il-politika tagħna hija mifruxa fuq tliet binarji: dik li nsostnu l-industrija u l-impjiegi eżistenti, li nattiraw investiment ġdid u li ngħinu kumpaniji diġà stabbiliti biex jinvestu aktar,” qalet Dr Dalli.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-pandemija tal-COVID-19 uriet kemm is-settur tal-manifattura huwa reżiljenti. “Dan il-gvern, filwaqt li se jkompli jaħdem biex jattira investiment ġdid, qed jara li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-manifattura f’pajjiżna.”
Permezz tal-Malta Enterprise, il-kumpanija qed tirċievi għajnuna biex tkun tista’ tagħmel investiment ta’ €5.2 miljun biex tkompli tkabbar in-negozju tagħha, inkluż lejn swieq barranin.
Il-kumpanija Multi Packaging Ltd, li timpjega mat-80 ħaddiem, għandha rwol kruċjali għas-suq lokali.
Il-general manager tal-kumpanija, is-Sur Brian Muscat, iddeskriva ż-żjara tal-Ministru Dalli bħala waħda li timlih b’kuraġġ. “Flimkien mal-Malta Enterprise irridu naraw kif flimkien dan is-settur inġibuh aktar b’saħħtu biex ikun pilastru għall-ekonomija Malta,” qal is-Sur Muscat.
Preżenti wkoll kien il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.