L-Omiċidju Ta’ Lino Cauchi: Espert Forensiku Jiddeskrivi Kif Sabu L-Katavru Mqatta’ Biċċiet F’Bir Il-Buskett
Fil-15 ta’ Frar tal-1982, l-Accountant Lino Cauchi kien ħareġ għax-xogħol u minn dakinhar qatt ma’ rritorna, 3 snin wara, fil-15 ta’ Novembru 1985, il-katavru ta’ Lino Cauchi instab imqatta’ biċċiet f’bir fil-Buskett. 39 sena wara, il-każ għadu mhux solvut.
Fil-Qorti bħalissa qed tinstema kawża li l-mara tal-vittma u iben Lino Cauchi li kien għadu ma twelidtx meta seħħ l-omiċidju, fetħu kawża kontra l-istat minħabba li falla fl-investigazzjoni dwar il-qtil.
Waqt li kien qed jixhed f’din il-kawża fil-qorti, l-eks espert forensiku tal-Pulizija Dr. Anthony Abela Medici qal li fil-15 ta’ Novembru 1985 rċieva telefonata biex imur “il-Bosk” limiti tal-Buskett, fejn kien instab il-katavru mqatta’. Abela Medici qal li kif wasal hemm sab bir taħt is-siġar. Spjega kif il-bir kien mimli bl-ilma u talab li jitbattal, spjega li wara niżel hu flimkien ma’ fotografu fil-bir u kien hemm 4 boroż tal-plastik li kien weħlu mal-ġebel li kien hemm.
Spjega li f’borża sab il-kranju li kien mfarrak fi 28 biċċa u mazza.
Abela Medici spjega li ħafna mill-għadam tal-vittma kienu maqtugħin f’żewġ livelli, parti minn serrieq tal-laħam u oħrajn tal-elettriku. Fil-fatt il-qtil ta’ Cauchi sar minn persuna tas-sena, bi probabbilità kbira li kienu żewġ persuni u li wieħed minnhom jew tnejn x’aktar li kienu xi biċċier jew xi ħadd li kellu ħanut tal-laħam jew razzett.
Il-qtil sar b’mod makabru, żewġ daqqiet ta’ mazza fuq rasu u wara spiċċa mqatta biċċiet b’serrieq tal-laħam kif ukoll b’serrieq tal-elettriku. Il-familja spiċċat imkissra bit-tifel tiegħu jispiċċa jagħmel 12-il sena ma joħroġx mid-dar u bi problemi kbar. Il-Pulizija ma għamlet xejn, bil-kriminal jew kriminali f’dan il-qtil makabru, jekk għadhom ħajjin, għadhom jiġru barra.