Malti Ta’ 17-Il Sena Arrestat B’rabta Ma’ Frodi Li Jaqbeż Il-Miljuni

 Malti Ta’ 17-Il Sena Arrestat B’rabta Ma’ Frodi Li Jaqbeż Il-Miljuni

Malti ta’ 17-il sena huwa fost għaxar persuni arrestati b’rabta ma’ każ investigat mill-Europol dwar frodi msejħa ‘sim swapping’. L-arrestati huma minn pajjiżi differenti.

Iż-żgħażugħ Malti jidher li kien jifforma parti minn ċirku ikbar ta’ nies li kienu qegħdin jiġu investigati mis-Servizz Sigriet Amerikan.

Il-Pulizija Maltija qalet li l-involviment tagħha fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ beda meta t-taqsima tas-Cyber Crime intalbet mill-Istati Uniti tinvestiga l-involviment ta’ żgħażugħ Malti li allegatament daħal b’mod illegali fi profili ta’ instagram ta’ diversi ċelebritajiet u beda jirrikattahom.

Il-każ huwa dwar aċċess illegali tan-numri tat-telefons u kontroll tal-apps jew kontijiet ta’ persuni, billi jitbiddlu l-passwords.

F’dan il-każ l-attakk kien immirat lejn persuni mportanti fl-Istati Uniti, fosthom influencers famużi fuq l-internet, ċelebritarjiet tal-isport, kif ukoll mużiċisti u l-familji tagħhom.

L-investigazzjoni dwar dan il-każ kellha s-sehem tal-Pulizija Maltija kif ukoll tar-Renju Unit, il-Belġju, l-Kanada, u l-Istati Uniti.

F’dan il-każ jidher li nsterqu iktar minn mitt miljun dollaru Amerikan fi crypto-currencies, kif ukoll informazzjoni personali tal-vittmi.

Iż-żgħażugħ ġie arrestat sentejn ilu, wara li fi tfitxija fir-residenza fejn joqgħod instabu diversi oġġetti bħal apparat elettroniku u ħwejjeġ lussużi.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com