MD21 – Jispikka Sliema W. v Birkirkara.. Valletta U Floriana f’Logħbiet Delikati.. U Ħamrun Iffitxu Rebħa Oħra

 MD21 – Jispikka Sliema W. v Birkirkara.. Valletta U Floriana f’Logħbiet Delikati.. U Ħamrun Iffitxu Rebħa Oħra

PREVIEW – MD 21

Tarxien R. v Senglea A. – (Is-Sibt – Centenary Stadium – 2.00pm)

Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni. Filwaqt li ċ-ċansijiet ta’ Tarxien Rainbows li jsalvaw posthom huma limitati u għaldaqstant għadhom qed jittamaw, Senglea Athletic huma destinati li staġun ieħor jilagħbu fiċ-Challenge League.

Ir-Rainbows ġejjin minn umiljazzjoni ta’ 7-0 kontra Santa Lucia li wasslet ukoll għar-riżenja tal-coach Winston Muscat biex minfloku ġie appuntat Steve D’Amato, fl-ewwel round ir-Rainbows ħarġu rebbiieħa 5-0.

Min-naħa tagħhom Senglea ġejjin minn telfa ta’ 3-1 kontra Lija Athletic fejn għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa.

Kull team għandu player sospiż – Zachary Cassar għal Senglea Athletic u Eduardo Rosado għal Tarxien.

Sliema W. v Birkirkara – (Is-Sibt – National Stadium – 2.00pm)

Il-PARTITISSIMA ta’ tmiem il-ġimgħa, friski mir-rebħa fuq Valletta bl-iskor ta’ 2-0, issa Birkirkara se jiffaċċjaw lil Sliema Wanderers li ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra Gudja United.

Bir-rebħa fuq il-Beltin, il-Karkariżi qabżu lis-Slimiżi fir-raba’ post tal-klassifika u għaldaqstant din il-partita għandha tkun kruċjali għaż-żewġ timijiet fejn rebħa għal Birkirkara tikkonsolidalhom posthom minbarra li jippruvaw ipattu għat-telfa 2-1 fl-Ewwel Round kontra s–Slimiżi.

Birkirkara se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż Enrico Pepe, għall-Blues jirritornaw John Mintoff u Alessandro Milesi.

Floriana v Gudja U. – (Is-Sibt – Centenary Stadium – 6.00pm)

Din il-partita tista’ titqies bħala finali kemm għal Floriana kif ukoll għal Gudja United. Dan minħabba li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet, it-tnejn fil-bżonn tal-punti.

Floriana se jerġgħu jkunu mmexxija mill-coach Taljan, Enzo Potenza, li kien irriżenja f’Diċembru li għadda iżda reġa’ ngħaqad magħhom fil-jiem li għaddew, Gudja ġejjin minn erba’ telfiet u draw mill-aħħar ħames ħarġiet tagħhom fil-Kampjonat.

Iż-żewġ timijiet għandhom player kull naħa sospiż, Diego Venancio (Floriana) u Llywelyn Cremona (Gudja United).

Fl-ewwel round, Floriana kienu rebħu bl-iskor ta’ 2-1.

Żejtun C. v Gzira U. – (Is-Sibt – National Stadium – 6.00pm)

Minkejja li jibdew favoriti, din hija partita delikata għal Gżira United meta jaffrontaw lil Żejtun Corinthians, fl-Ewwel Round 2-1 għal Maroons.

Iż-żewġ timijiet huma fil-bżonn tal-punti, Gżira United biex ikomplu jisfidaw għat-titlu, Żejtun biex isalvaw posthom fl-ewwel avventura tagħhom fl-ogħla diviżjoni.

Iż-żewġ timijiet għandhom player kull wieħed sospiż, Vitor Vieira għall-Corinthians u Sacha Borg għall-Maroons.

Il-Gżirjani jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Gabriel Bohrer Mentz u Jackson Mendoza minn sospensjoni.

Valletta v Santa Lucia – (Il-Ħadd – National Stadium – 2.00pm)

Valletta jiffaċċjaw lil Santa Lucia f’dak li huwa meqjus bħala konfront diffiċli li l-Beltin ma jistgħux jitilfu l-punti minnu.

Filwaqt li Valletta ġejjin minn telfa ta’ 2-0, il-Luċjani jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa kbira ta’ 7-0 fuq il-ġirien Tarxien Rainbows, rebħa għas-Saints tpoġġihom f’pożizzjoni komda fis-sitt post u mingħajr l-ebda theddida tar-relegazzjoni.

Valletta jibqgħu mingħajr ħafna elementi, Jean Borg u Miguel Alba barra għall-kumplament tal-istaġun, Jonathan Caruana u Joseph Zerafa x’aktarx jibqgħu barra, Henry Bonello u Ryan Fenech sospiżi, jirritorna wara li tilef minħabba sospensjoni il-logħba kontra Birkirkara, Ryan Camilleri.

Fl-ewwel round draw ta’ 1-1 bejn dawn iż-żewġ naħat.

Lija A. v Hibernians – (Il-Ħadd – Centenary Stadium – 2.00pm)

Hibernians, li jinsabu fit-tieni post tal-klassifika jiltaqgħu kontra Lija Athletic li ġejjin minn rebħa ta’ 3-1 fuq Senglea Athletic.

Anke jekk il-Pawlisti jibdew bħala favoriti li jiksbu t-tliet punti, huma xorta waħda jridu juru rispett massimu lejn l-Athletics li ġejjin minn serje pożittiva ta’ riżultati u kisbu r-rekord ta’ punti għalihom fl-ogħla diviżjoni dan l-istaġun.

Filwaqt li l-Pawlisti jimmiraw li jirbħu l-ħames rebħa nfila, huma jfittxu ukoll id-double meta fl-ewwel round kienu għelbu lill-istess Lija bl-iskor kbir ta’ 8-1.

L-uniku player sospiż għal din il-logħba huwa Raphael Dos Anjos ta’ Hibernians, jirritorna Gabriel Izquier Artiles minn sospensjoni, waqt li Clayton Giordimaina jrritorna għal Lija.

Mosta v Sirens – (Il-Ħadd – National Stadium – 6.00pm)

Dan huwa konfront li għandu jkun wieħed mill-aktar interessanti hekk kif Mosta jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika, b’żewġ punti aktar minn Sirens.

Rebħa għal dawn tal-aħħar tkun tfisser li jaqbżu lill-istess Mosta fil-klassifika u jkomplu jitbiegħdu mill-periklu tar-relegazzjoni, iżda rebħa Mostija tkun tfisser li tħalli lill-Pawlini jissieltu biex isalvaw posthom.

L-uniku player sospiż huwa Tamsir Jammeh ta’ Sirens iżda mistenni li jirritorna Angel Manuel Bustos.

Il-konfront tal-ewwel round intemm fi draw ta’ 2-2.

Ħamrun S. v Balzan – (Il-Ħadd – Centenary Stadium – 6.00pm)

Il-leaders Ħamrun Spartans jiltaqgħu kontra Balzan li f’dan l-istaġun iddiżappuntaw bil-kbir bil-konsegwenza li jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.

Rebħa għal Ħamrun Spartans, li issa ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar 15-il partita, tkun tfisser pass ieħor lejn ir-rebħ tat-titlu filwaqt li l-inkwiet għal Balzan ikompli jikber.

Il-Ħamruniżi mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli. Min-naħa ta’ Balzan, se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiżi, Weverton Gomes, Milan Duric u Sean Cipriott.

Bħal ta’ qabilha, anke din fl-ewwel round bejniethom kienu spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com