Meta Pazjent Jingħata L-Aħbar Li Nstablu Kanċer…
Fil-jum internazzjonali kontra l-kanċer, il-President George Vella ħa sehem waqt konferenza diġitali organizzata min-National Cancer Platform.
Il-President fisser kif meta pazjent jingħata l-aħbar li nstablu xi forma ta’ kanċer, il-pazjent u dawk ta’ madwaru jibdew jgħixu ċirkostanzi straordinarji. B’ħarsa lura lejn is-sena li għaddiet, il-President stqarr li minkejja l-miżuri ta’ prevenzjoni kollha li ħadna u li ġew irrakomandati mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, il-virus xorta laqat ħażin nies vulnerabbli.
Għal dawk li qiegħdin jiġġieldu mal-kanċer, qal il-President, din il-pandemija kellha ħafna sfidi, mhux biss mil-lat mediku iżda anke partikolarment mill-aspett psikoloġiku. Fisser kif minħabba l-Covid-19, waħda mill-ewwel miżuri li laqtu l-pazjenti tal-kanċer kienet dik li ma setgħux jibqgħu jkollhom żjarat mill-qraba u ħbieb tagħhom bħal ma’ kien isir qabel. Il-President spjega kif is-sens ta’ solitudni ta’ dawn il-pazjenti kiber, u dan wassal biex ħafna jieħdu l-impressjoni li setgħu ġew minsijin, jew li ġew iżolati.
Il-President tkellem ukoll dwar kif l-istess restrizzjonijiet kellhom ukoll impatt fuq dawk il-pazjenti li kellhom bżonn kura barra minn Malta, hekk kif kienu dawk il-każijiet ta’ pazjenti li kienu verament urġenti biss li ġew mibgħuta għall-kura barra.
Fakkar kif il-pazjenti li jintbagħtu barra għall-kura normalment ikollhom kollox imħallas mill-Gvern ta’ Malta, bil-Malta Commmunity Chest Fund Foundation tgħin billi tħallas passaġġi biex qarib jew ħabib jakkumpanja l-pazjent u anke tħallas kontijiet ta’ ikel u vjaġġar lejn u mill-isptar waqt li jkunu barra minn Malta.
Il-President żied, li filwaqt li l-ispiża totali naqset, għaliex intbagħtu barra anqas pazjenti, dawk li ntbagħtu ras għal ras ġew iqumu ħafna aktar minħabba li damu aktar barra minħabba ż-żmien li kellhom jgħaddu fil-kwarantina.
Temm jappella lill-pazjenti kollha biex jagħmlu kuraġġ, hekk kif stqarr li dan iż-żmien diffiċli se jgħaddi u assigurahom li għandhom b’attenzjoni tal-aħjar speċjalisti, infermiera u paramediċi.