Propost Kodiċi Għall-Mezzi Awdjoviżivi Dwar L-Użu Tal-Ilsien Malti
“Il-gvern jinsab kommess li jara li l-lingwa Maltija tkompli tiżviluppa, tevolvi u timxi ’l quddiem”, qal il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela waqt il-ftuħ ta’ konferenza dwar l-ilsien Malti fix-xandir fl-isfond tal-Jum Internazzjonali tal-Lingwa Nattiva tan-Nazzjonijiet Magħquda, li għall-aħħar snin qed jitfakkar fil-21 ta’ Frar.
Matul il-konferenza ġew trattati diversi temi fosthom l-istat attwali tal-użu tal-lingwa Maltija fix-xandir u x’jista’ jsir biex jintuża Malti aħjar fix-xandir, l-użu tal-lingwa tas-sinjali fix-xandir, it-tħaddim tat-terminoloġija sportiva waqt l-aħbarijiet u l-kummentarji sportivi kif ukoll id-djaletti tal-Malti fix-xandir.
Il-Ministru Abela qal li l-ilsien Malti mhux biss jimmarka l-identità Maltija iżda jgħaddi wkoll l-għerf u l-ħsibijiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna. Irrefera għal dak li jsostnu l-esperti, li jistmaw li kull erbatax-il ġurnata tmut lingwa waħda u qal li jekk dan jiġri lil-lingwa Maltija, tintilef ir-ruħ ta’ pajjiżna u għodda komunikattiva li l-ebda teknoloġija ma tista’ tiżboq.
Elenka wħud mill-isfidi għal-lingwa Maltija fil-ġurnata tal-lum, fosthom l-aċċess għal Malti tajjeb fuq il-midja soċjali, l-ortografija tajba fuq il-mezzi tax-xandir u mezzi onlajn kif ukoll l-element ta’ xandara li jibdew sentenza bil-Malti u jispiċċawha bl-Ingliż.
Biex ikunu indirizzati dawn l-isfidi, il-Ministru Abela ħabbar li qed issir ħidma fuq abbozz ta’ kodiċi dwar l-użu tal-ilsien Malti għax-xandara kemm tat-televiżjoni u tar-radju, kif ukoll online. Huwa spjega li permezz ta’ dan l-abbozz ta’ kodiċi, wara li jkun approvat, se jkompli jiġi rrispettat il-mod li bih jiġi mitkellem il-Malti fil-mezzi awdjoviżivi.
Il-ministru spjega li l-ħidma fuq dan il-kodiċi qed issir b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tax-Xandir u mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, u se jkun japplika għall-mezzi awdjoviżivi kollha li jużaw il-lingwa Maltija.
“Dak li hu tagħna rridu nippreservawh u nieħdu ħsiebu aħna. Il-lingwa tagħtina identità li għandna ngħożżu u nħarsu. Jekk nitraskuraw l-ilsien nazzjonali tagħna li twelidna bih u li writnieh mill-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna, mhux se nkunu nistgħu ngħadduh lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna,” ikkonkluda l-Ministru Abela.