Raġel Malti Li Tela’ L-Ingilterra Għat-Trattament Tal-Kanċer Imut Bil-Covid-19
Familja Maltija tkellmet dwar it-traġedja li għaddiet minna riċentament mas-sit ‘Lovin Malta’. Il-familjari tal-vittma spejgaw kif membru tal-familja tela’ l-Ingilterra sabiex jieħu trattament tal-kanċer, iżda filwaqt li kien fl-isptar jieħu l-kura, spiċċa biex marad bil-Covid-19 u miet ftit tal-jiem wara.
Filwaqt li l-operazzjoni li saret lir-raġel fl-Ingilterra rnexxiet u b’hekk ir-raġel kien beda jirkupra mill-kanċer, huwa ma kienx għadu b’saħħu biżejjed sabiex jiġġieled il-Covid-19 u b’hekk miet.
Il-familja stqarret li ċ-ċans li jgħix bil-kanċer kien baxx ħafna, b’perċentwal ta’ 5%, iżda l-operazzjoni u t-trattamenti tant ħadmu fuqu li kien beda jirkupra u kien wieħed mill-5% li kien jidher li se jfieq.
“Inti tmur l-isptar biex tfiq, mhux biex jaqbdek xi ħaġa oħra minn hemm u tmut”, qalet membru tal-familja.
Il-familjari esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li operazzjonijiet bħal ma għamel dan ir-raġel ma jsirux f’Malta u b’hekk wieħed ikollu jmur barra mill-pajjiż sabiex jiriċievi l-kura neċessarja. Xi pazjenti Maltin jitilgħu l-Ingilterra sabiex jieħdu trattamenti spejċalizzati għal mard rari jew mard li diffiċli jitfejjaq. Fil-passat uħud minn dawn il-pazjenti ilmentaw dwar dan u saħqu li dawn it-trattamenti għandhom jingħataw f’pajjiżna. Intant, l-Awtoritajiet jistqarru li f’pajjiż id-daqs ta’ Malta, u b’popolazzjoni tant żgħira, mhux possibbli li jkollna sptar differenti għal kundizzjonijiet u mard varji li jeżistu. Pajjiżi akbar ikollhom ferm aktar persuni b’kundizzjonijiet simili u huwa għalhekk li għandhom sptarijiet u trattmenti aktar speċifiċi minn dawk li għandna f’pajjiżna.