Rivalita Moderna.. Post fl-Ewropa U Aktar f’Moħħ il-Beltin u l-Karkariżi fid-90 Minuta Llejla

 Rivalita Moderna.. Post fl-Ewropa U Aktar f’Moħħ il-Beltin u l-Karkariżi fid-90 Minuta Llejla

RITRATTI – VALLETTA FC MEDIA u BIRKIRKARA FC MEDIA

Sa ftit tas-snin ilu dan il-konfront f’dal-perjodu tal-istaġun ikun determinanti fit-tellieqa għar-rebħ tal-Kampjonat, apparti li jattira follol kbar lejn l-istadium Nazzjonali.

Iżda bħalissa qed ngħixu żminijiet strambi u f’kull sens, l-isfida għat-titlu dan l-istaġun għal dawn it-tnejn issa bye bye.. f’logħba li minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija u kif ġara dejjem s’issa dan l-istaġun se tkun qed tintlgħab fi stadium vojt u bil-bibien magħluqa.

Forsi sfida għar-rebħ tal-Kampjonat bye bye mhux neċessarjament jaqblu mija fil-mija magħha Birkirkara li b’rebħa llejla jiġu 10 punti taħt il-leaders Ħamrun Spartans, wisq, iżda mhux impossibli meta jkun fadal 10 logħbiet għal tmiem il-Kampjonat.

Iżda f’dan l-istadju wieħed irid iqis ukoll mhux biss il-punti distakk ma’ ta’ fuq, iżda l-fatt li apparti Ħamrun Spartans, qabel Birkirkara hemm tliet teamijiet oħra (Hibernians, Gżira United u Sliema Wanderers), jiġifieri jekk għadhom jemmnu li jistgħu jirbħu l-Kampjonat, Birkirkara iridu jittamaw f’żelqiet mhux min tim wieħed iżda minn erbgħa.

L-iStripes jibdew favoriti għat-tliet punti llejla, jekk jagħmlu hekk ikunu qabżu wieħed mit-timijiet ta’ fuqhom, jitilgħu r-raba’ qabel Sliema Wanderers.

Fuq staġun sħiħ, l-iStripes sa issa urew football aħjar minn Valletta, apparti li jridu jirritornaw għar-rebħ wara l-aħħar diżappunt f’telfa kontra Ħamrun Spartans (0-2) is-Sibt li għadda għat-tim tal-kowċ Andre Paus li ġiet wara tnax-il rebħa konsekuttiva fil-Kampjonat.

Il-fatt li Birkirkara se jkunu bl-aqwa formazzjoni kontra t-tim tal-Belt b’ħafna players neqsin huwa fattur ieħor li jpoġġi lil tal-Wied fuq quddiem għall-punti massimi minn dan il-konfront.

Oscar Carniello u Federico Falcone jirritornaw minn sospensjoni li ħalliethom barra mil-logħba tas-Sibt, hemm xi żewġ players dubjużi mill-bqija l-kowċis Paus u Holland mistennija li jinżlu għal-din il-logħba bl-aqwa ħdax-il player.

Min-naħa l-oħra, Valletta se jkunu msaħħa bir-ritorn ta’ Enmy Pena Beltre minn injury u Shaun Dimech minn sospensjoni, iżda jibqgħu barra Jonathan Caruana, Joseph Zerafa, Jean Borg u Miguel Alba, l-aħħar tnejn x’aktarx minħabba l-injury ma’ jerġgħux jilgħabu dan l-istaġun.

Neqsin ukoll iżda minħabba sospensjoni, Henry Bonello u Ryan Camilleri li tkeċċew il-Ħadd li għadda fir-rebħa 1-0 fuq Sirens, bil-protest imressaq wara dik il-partita mill-klabb minn San Pawl il-Baħar ma’ jiġix milqugħ mill-bord tal-protesti tal-MFA, deċiżjoni finali dwar dan il-protest meħuda kmieni l-Erbgħa wara nofsinhar qabel id-dwell tal-lejla, għaldaqstant Valletta żammew it-tliet punti li rebħu f’dawk id-disgħin minuta fuq il-pitch.

Ir-rebħa f’dik il-partita l-Ħadd illi għadda għal Valletta tathom nifs qawwi għaliex jekk xejn waqqfet serje negattiva li fl-erba’ ħarġiet ta’ qabel rathom jitilfu tliet darbiet, (0-3 ma’ Ħamrun Spartans, 0-2 kontra Gżira United u 1-4 kontra Hibernians), apparti draw ta’ mingħajr goals kontra Sliema Wanderers.

Tas-City jittamaw fit-tielet rebħa nfila fil-kompetizzjonijeit kollha għax wieħed ma’ jridx jinsa s-suċċess 2-1 fl-FA Trophy l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet kontra Gudja United.

L-Ewropa mhux daqshekk il-bogħod għal Valletta, b’rebħa llejla jaqbżu lil Santa Lucia, jitilgħu erba’ punti biss taħt l-istess Birkirkara u sitta taħt Sliema Wanderers li bħalissa jokkupaw dak il-famuż raba’ post għall-Kwalifikazzjoni Ewropeja.

Kemm Birkirkara kif ukoll Valletta għadhom ukoll fl-FA Trophy, minn jaf jerġgħux isibu ruħhom kontra xulxin… inkunu nafu għada l-Ħamis filgħodu fil-poloz tal-fażi tas-Sittax ta’ din il-kompetizzjoni prestiġġjuża u storika.

Fl-Ewwel Round id-dwell bejn dawn iż-żewġ naħat irriżulta f’disgħin minuta spettaklu b’sitt goals, f’rebħa Beltija 4-2.

Żewġ naħat li fit-Tieni Round, oriġinarjament kellhom jilgħabu f’nofs Jannar f’partita mill-programm ta’ Match Day 16, iżda l-kwarantina minħabba l-pandemija li laqtet lil Valletta wasslet biex dan il-konfront ġie pospost eżatt għal xahar wara….mis-17 ta’ Jannar illi għadda.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com