Seba’ xhur oħra l-ewwel logħba kompetittiva li jmiss għat-Tim Malti U21

 Seba’ xhur oħra l-ewwel logħba kompetittiva li jmiss għat-Tim Malti U21

Hekk kif il-UEFA kkonfermat il-fixtures tal-Gruppi ta’ Kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2023 fil-kategorija ta’ taħt il-21 sena, liema poloz saru telgħu ftit tal-jiem ilu, issa li l-fixtures ġew konfermati sar magħruf li t-Tim Malti ma’ jidħolx fl-azzjoni qabel seba’ xhur oħra.

Sa dak iż-żmien il-kowċ il-ġdid Gilbert Agius ikollu l-opportunita jintegra sew u janalizza l-iskwadra tiegħu f’sessjonijiet ta’ taħriġ u serje ta’ logħbiet ta’ ħbiberija.

Skwadra kemmxejn ġdida għal fatt li ħafna elementi stabbiliti f’dan it-tim fl-aħħar snin, players li twieldu fl-1998 u l-1999 issa ma jibqgħux eliġibbli biex jibqgħu parti minn din l-iskwadra, bi players ġodda jiġu promossi li għalkemm neqsin mill-esperjenza se jkollhom iċ-ċans li jaħtfu l-opportunita u jilgħabu f’dan il-livell.

Tim Malti ta’ taħt il-21 sena li għaż-żmien li ġej probabbli jkun orfanu minn tliet players li huma eliġibbli għall-kompetizzjoni li ġejja għax twieldu wara l-1999, iżda l-progress tagħhom anke b’wirjiet mill-aqwa li għalkemm f’eta’ żgħira qed ikollhom fil-Kampjonat, bl-akbar probabilta jarhom jingħataw l-opportunita fl-iskwadra ewlenija ta’ pajjiżna mmexxija mill-Kowċ Nazzjonali Devis Mangia, jirrapreżentaw lil Malta fl-ogħla livell tal-Futbol Ewropew.

It-tlieta li huma għad għandhom 19-il sena, dawn huma Alex Satariano player versatili ta’ Sliema Wanderers li biss biss fl-aħħar żewġ ħarġiet tiegħu mal-klabb sab ix-xibka erba’ darbiet fil-Kampjonat BOV Premier, Paul Mbong li minn tifel fil-minors fi ftit anqas minn sena u dik il-famuża logħba li fiha spikka ferm għat-tim tiegħu Birkirkara f’rebħa 4-1 fuq Valletta f’Marzu 2020 għamel progress sinjifikanti u issa stabbilit fl-ewwel ħdax mat-tim tiegħu, anke Shaun Dimech ma’ Valletta qed ikollu wirjiet tajbin ħafna u bħat-tnejn l-oħra ftit hemm tama li jerġa jingħaqad mal-grupp Malti ta’ taħt il-21 sena, bil-possibiltajiet ixaqilbu aktar li dan il-player jistabilixxi ruħu ukoll fl-iskwadra Maltija tal-kbar.

It-Tim Malti ta’ taħt il-21 sena jibda bl-impenji tiegħu minn Grupp Ċ tal-kompetizzjoni li jmiss il-ġimgħa 3 ta’ Settembru, 2021 f’darna kontra l-Irlanda ta’ Fuq, biex wara l-logħba t-tim jivjaġġa lejn ir-Russja  għad-dwell erba’ t’ijiem wara kontra l-istess ġganti, żewġ logħbiet oħra fit-tieqa nternazzjonali t’Ottubru, dik ta’ Novembru, Marzu u Ġunju tas-sena ta’ wara (2022), kif indikat fil-lista issa kkonfermata ta’ logħbiet uffiċjali fi Grupp Ċ ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tim Malti ta’ taħt il-21 sena.

Sa’ dak iż-żmien żgur li jkun hemm serje ta’ logħbiet ta’ ħbiberija biex it-tim ikun preparat bl-aħjar mod għal dan il-grupp diffiċli.

UEFA Taħt il-wieħed u għoxrin sena Grupp Ċ ta’ Kwalifikazzjoni, Kampjonat Ewropew 2023.

Il-ġimgħa 3 ta’ Settembru, 2021 – Malta v Irlanda ta’ Fuq
It-Tlieta 7 ta’ Settembru, 2021 – Russja v Malta
Il-ġimgħa 8 t’Ottubru 2021 – Litwanja v Malta
It-Tlieta 12 t’Ottubru 2021 – Slovakkja v Malta
il-ġimgħa 12 ta’ Novembru 2021 – Malta v Spanja
it-Tlieta 16 ta’ Novembru 2021 – Irlanda ta’ Fuq v Malta
Il-ġimgħa 25 ta’ Marzu 2022 – Malta v Russja
It-Tlieta 29 ta’ Marzu 2022 – Malta v Litwanja
Il-ġimgħa 3 ta’ Ġunju 2022 – Malta v Slovakkja
It-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2022 – Spanja v Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com