Skema Ta’ Appoġġ Għall-Programm Ta’ €1.3 Miljun Biex Tirranka S-Settur Tal-Arti Lokali

 Skema Ta’ Appoġġ Għall-Programm Ta’ €1.3 Miljun Biex Tirranka S-Settur Tal-Arti Lokali

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li l-Kunsill Malti għall-Arti nieda skema ta’ appoġġ speċjali bħala parti minn investiment dirett ta’ €6 miljun fis-setturi kulturali u kreattivi lokali. Din l-iskema tifforma parti mill-investiment speċjali addizzjonali ta’ €1 miljun imħabbar mill-Gvern Malti matul l-aħħar baġit biex ikompli jsaħħaħ l-irkupru b’saħħtu tas-setturi filwaqt li jżomm mal-miżuri ta’ mitigazzjoni meħtieġa.

Ġie spjegat li l-Iskema ta’ Appoġġ għall-Programmi, li tifforma parti mill-iskemi RESTART tal-Kunsill Malti għall-Arti, hija mmirata biex issaħħaħ is-settur tal-kultura lokali wara l-isfidi ppreżentati mill-pandemija COVID-19, kif ukoll għandha l-għan li tindirizza l-irkupru u r-reżiljenza tas-setturi kulturali u kreattivi. Din l-iskema se tippermetti aċċessibilità usa’ lejn appoġġ finanzjarju u investiment għas-setturi kreattivi u kulturali kollha.

Il-Ministru Herrera qal li dawn l-iskemi huma riżultat ta’ konsultazzjoni mas-setturi u mar-rappreżentanti tagħhom fejn qal li jifhem li wara kull suġġeriment li jsir hemm artisti ddedikati għall-arti, u jħoss li hu flimkien mal-Gvern impenjat, biex jagħtiehom appoġġ sħiħ.”

Albert Marshall, iċ-Chair Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal li l-proċess ta’ konsultazzjoni sar bir-reqqa u permezz tiegħu ġiet iddisinjata din l-iskema flimkien ma’ oħrajn li se jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin. Is-Sur Marshall qal, “Matul il-proċess ta’ ppjanar għal dan il-perjodu ta’ finanzjament, il-Kunsill ikkollabora b’mod attiv mal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) iffurmata riċentament u partijiet interessati ewlenin oħra biex tiżgura li l-bżonnijiet tas-setturi kulturali u kreattivi lokali huma rrappreżentati kif xieraq fil-fora tal-gvern.” “Nemmen bis-sħiħ li bl-appoġġ u bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd qed jirnexxilna ​​nbiddlu din l-isfida f’opportunità għal aktar tkabbir u bidla, speċjalment fl-era diġitali”.

L-Iskema ta’ Appoġġ għall-Programmi hija miftuħa għall-operaturi kulturali u kreattivi kollha, minn individwi, għal kumpaniji u organizzazzjonijiet volontarji. Sessjoni ta’ informazzjoni se ssir onlajn fil-11 ta’ Frar 2021 f’nofsinhar.

Għal aktar informazzjoni żur artscouncil.mt, ċempel fuq in-numru tat-telefon 2334 7230 jew ibgħat email fuq [email protected].

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com