“Tgħallimt Inħobb Lili Nnifsi U T-Training Għini Nikseb Dan” – Jonathan Seychell
F’dan iż-żmien huwa importanti aktar minn qatt qabel li nieħdu ħsieb saħħitna. Bħalissa kulħadd għaddej minn żmien kemmxejn diffiċli. L-atmosfera ta’ stress, kif ukoll il-ħajja mgħaġġla jistgħu jwasslu sabiex xi drabi ma jkollnix aptit l-eżerċizzju fiżiku. Minkejja dan kollu, huwa mportanti li nsibu mqar siegħa f’ġurnata sabiex nagħmlu xi ħaġa li nħobbu.
Tkellem ma’ StradaRjali.com l-atleta Jonathan Seychell u qal li, “minn dejjem kont nieħu pjaċir li naqsam l-għarfin tiegħi f’dan il-qasam man-nies, sabiex ngħinhom isibu l-grinta u nimbottahom sabiex jgħelbu kull ostaklu. Kulħadd huwa kapaċi jasal fejn jixtieq b’naqra għajnuna u fiduċja. Il-motivazzjoni li ngħin in-nies jemmnu li huma kapaci u jaslu fejn jixtiequ hija l-ikbar sodisfazzjon fix-xogħol tiegħi”.
Huwa veru li mhux faċli li tkun konstanti fl-isport, u Seychell saħaq li ħafna drabi kien se jaqta’ qalbu u jieqaf milli jkompli dan il-vjaġġ, iżda bil-kuraġġ kontinwu u bid-diterminazzjoni kiseb il-fiduċja fih nnifsu, fiduċja li jgħid qatt ma kellu.
“Tgħallimt inħobb lili nnifsi u t-training għini nikseb dan. Xtaqt naqsam dan man-nies li jsibuha diffiċli u ma jqisux lilhom infushom bħala prijorità. Minkejja n-negattività li hawn madwarna, il-kura u s-saħħa tagħna nfusna għandha tkun prijorita’ sabiex napprezzaw u niftakru li m’aħna qatt waħedna u kapaċi naslu fejn nixtiequ b’determinazzjoni u b’daqqa t’id mingħand xulxin”, żied jgħid Jonathan Seychell.