Titnieda L-Iskema Tal-Isports F’Għawdex B’Investiment Ta’ €75,000
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-Iskema tal-Isports, sabiex b’investiment ta’ €75,000 l-assoċjazzjonijiet sportivi f’Għawdex jistgħu jibbenefikaw minn €5,000 kull wieħed għal attivitajiet sportivi jew xiri ta’ apparat sportiv.
Il-Ministru Camilleri nnota kif skemi bħal dawn ikomplu jixhdu kemm dan il-gvern flimkien mal-Ministeru għal Għawdex jemmnu fil-qasam sportiv. Hawnhekk, huwa saħaq kif, “l-impenn tal-Ministeru hu li nkomplu ninkoraġġixxu aktar sports u aktar parteċipazzjoni, filwaqt li se nkomplu nżidu s-sostenn u l-għajnuna tagħna biex isir dan.”
Id-Direttur għas-Servizzi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex Joyce Farrugia spjegat li, “se tkun qed issir evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet minn bord maħtur apposta, u minn hemmhekk jintgħażlu liema proġetti se jibbenefikaw minn din l-iskema.” Kompliet tgħid li fost l-oħrajn din l-iskema tvarja minn proġetti ta’ xiri ta’ tagħmir sportiv sa attivitajiet sportivi.
Din l-iskema tikkumplimenta mal-proġetti massiċċi u kruċjali li qed isiru fil-faċilitajiet sportivi f’Għawdex. Dwar dan il-Ministru Camilleri tenna li, “ix-xogħol fuq il-pixxina beda u bħalissa għaddej ġmielu. Hemm maħsub ukoll ir-riabilitazzjoni tax-Shooting Range fiż-Żebbuġ u tal-Korsa taż-Żwiemel ta’ Xħajma. Impenjati li ninvestu f’dawn il-proġetti biex nagħmlu qabża ta’ kwalità u biex kull dixxiplina sportiva tkompli tissaħħaħ.” Huwa kkonkluda li l-ħidma f’dan il-qasam se tkompli għaddejja u se tissaħħaħ, anke sabiex l-atleti Għawdxin ikollhom spazju fejn jiżviluppaw it-talenti tagħhom.