Tony Drago, l-Pandemija u r-Ritorn Mistenni Tiegħu fis-Snooker

 Tony Drago, l-Pandemija u r-Ritorn Mistenni Tiegħu fis-Snooker

“Put things into perspective”, “Il-pandemija għallmitna ħafna, minn jaf kemm kien hemm drabi li fihom irrabjajna għax tlifna logħba snooker, jew telf ieħor fl-isport, safrattant, l-għada jasal, it-telfa tqiegħda f’ġenb u terġa tibda mill-ġdid, fuq kollox għandek il-liberta, li fl-aħħar xhur tlifna literallment, il-pandemija telfitna ħafna mill-identita tagħna, ġabitna qisna boloħ f’sens li tibża tiltaqa’ ma’ xi ħadd, meta nafu li l-bniedem mhux qiegħed hemm għal waħdu”.

Il-ġist ta’ ntervista li għamilna mal-leġġenda tas-snooker, il-Malti Tony Drago appena sar magħruf it-Tnejn li se jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu fix-xena.

Kien permezz ta’ post fuq Facebook (isfel) li Tony stess ferraħ ħafna mill-ammiraturi tiegħu meta ħabbar it-ritorn fuq il-mejda.

Tony ġie msejjaħ biex jieħu sehem fil-Kampjonati tad-Dinja tas-Snooker fil-kategorija tal-veterani li se jsiru fil-Crucible, Sheffield fil-bidu ta’ Mejju li ġej, bejn is-sitta u d-disgħa tax-xahar.

“Għal ġimgħa ma’ lħaqnix id-dħul tal-partitarji, għalhekk se jkollna nilgħabu bil-bibien magħluqa”, l-gvern Ingliż fl-aħħar jiem ħabbar li mis-17 ta’ Mejju se jippermetti d-dħul ta’ partitarji, soft entrance bażikament f’numru ta’ attivitajiet sportivi fir-Renju Unit.

“Suppost tlajt għal World Series f’Mejju li għadda iżda minħabba l-pandemija naturallment ma’ stajtx, min jgħix l-Ingilterra baqa għaddej iżda minħabba raġunijiet ovji ma’ stajtx ningħaqad magħhom, issa tawni wild card (meta sportiv jinħeles minn numru ta’ ostakli tipo logħbiet ta’ kwalifikazzjoni u jidħol direttament fil-Main Round u/jew mal-Elite f’kompetizzjoni).

Tony Drago kompla, “Ninsab ferm ħerqan għal din il-parteċipazzjoni tiegħi, dwar preparazzjoni ifhem qiegħed daqxejn il-bogħod, dawn l-aħħar sitt xhur jekk lgħabt erba’ darbiet, għadni kemm ħadt l-ewwel tilqima, 14th March nieħu t-tieni waħda u nittama li bħal oħrajn li qed jitlaqqmu nkunu nistgħu nirritornaw għal xi tip ta’ normalita”.

Tony Drago qed jittama li wara t-tieni tilqima, jibda jitħarreġ lejn l-aħħar ta’ Marzu, jintensifika l-preparazzjoni tul April kollu bi tlieta jew erba’ siegħat training kuljum, qabel it-tournament fl-ewwel ġranet ta’ Mejju.

Dan il-Kampjonat tad-Dinja tal-Veterani jlaqqa l-krema tas-snooker players meta dan l-isport kien ferm aktar segwit f’Malta anke bl-organizazzjoni ta’ tournaments prestiġġjużi anke f’pajjiżna li kienu jattiraw l-aqwa players tad-dinja.

Players bħal Jimmy White, Stephen Hendry, Nigel Bond, Alan McManus, Ken Doherty, Michael Judge u Darren Morgan kollha se jkollhom l-opportunita jerġa jiltaqgħu u fuq kollox jilgħabu kontra Tony, għal Malti se tfisser kompetizzjoni iżda fuq kollox iġedded memorji sbieħ ta’ meta kien jgħix l-Ingilterra, jiltaqa u jikkompeti regolarment ma’ dawn it-tip ta’ players u oħrajn.

Dwar l-aħħar sena tal-COVID Tony Drago qalilna hekk, “Dan iż-żmien tal-pandemija kien diffiċli għal kulħadd, almenu l-Ingilterra għalkemm mingħajr nies l-isport baqa’ għaddej, tal-inqas jien stajt nimla l-ġurnata tiegħi u nsegwi t-tournaments li kienu għaddejjin, it-tieni tilqima ftit jiem oħra se tippermettili nitla hemm moħħni mistrieħ u nkun nista nikkonċentra fuq dan il-Kampjonat biex kemm jista jkujn naqta figura tajba”.

Imma kemm se tkun diffiċli għal Tony li jerġa jirritorna f’dik il-forma li biha kien ipaxxi lil kull Malti u Maltija fl-aqwa tal-karriera tiegħu, “Jien meta kont iżgħar bejn 20 u 30 sena nagħmel xhur ma’ nilgħabx ftit kienet taffetwani, imma issa l-eta’ hemmhekk qiegħda u ammont ta’ xhur nieqes mill-isport jaffetwak.

“Għal dan it-tournament tiela pożittiv, moral għoli nagħmel minn kollox biex nerbħu iżda ma’ rridx nitfa pressjoni żejda fuqi bħal meta kont nittrenja seba’ siegħat kuljum, bla pressure forsi nilgħab aħjar, iżda x’se nsib għadni ma’ nafx”, temm jgħid Tony Drago f’din l-intervista.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com