‘Training Stage’ Produttiv għat-Tim Malti tal-Futsal

 ‘Training Stage’ Produttiv għat-Tim Malti tal-Futsal

Il-ġimgħa li għaddiet it-Tim Malti tal-Futsal kellu ġimgħa taħriġ intensiv bħala parti minn ‘training stages’ regolari li qed isiru għal dan it-tim fil-pjan li t-Tim Malti tal-Futsal ikompli jikber, jingħata spazju lil demm ġdid u naturallment it-tim ikun preparat għal-logħbiet u tournaments li jista’ jkun hemm aktar tard fis-sena jekk dejjem is-sitwazzjoni tal-pandemija tittaffa xi ftit.

Il-Futsal f’Malta anke fuq livell Nazzjonali qed jiġi xprunat il-quddiem b’inizjattivi ġodda, eżempju l-introduzzjoni tal-Kampjonat ta’ taħt is-Sittax-il sena minn dan l-istaġun, l-entużjażmu u l-ideat tad-Direttur f’dan il-qasam f’isem l-Assoċjazzjoni Mark Marlow, kif ukoll id-determinazzjoni tal-Viċi President tal-MFA l-Avukat Matthew Paris li taħtu jaqa’ l-Futsal fi ħdan l-Assoċjazzjoni li kontinwament jimpenja ruħu ukoll biex din il-logħba ferm sabiħa f’Malta tkompli tifjorixxi.

Il-ġimgħa taħriġ kienet immexxija bħal dejjem b’abilta kbira mill-kowċ Nazzjonali Zeljko Anicic u l-istaff tekniku tiegħu.

Fi tmiem it-Training stage sar tournament trijangulari bejn it-Tim Nazzjonali, x-Shadow Squad, magħmula minn players promettenti u aspiranti li jidħlu fiċ-ċirku tat-Tim Nazzjonali u l-barranin li jilgħabu fil-Kampjonat domestiku.

It-Tim Malti rebaħ dan it-tournament b’rebħiet 3-2 fuq il-barranin u 1-0 fuq ix-Shadow Squad.

Fir-rebħa fuq il-barranin, goals għal Malta tad-duo taċ-Champions Luxol, Dylan Musu u doppjetta tal-captain Mark Zammit, Gia Nikvashvili u Eduardo Garcia bil-goals għall-barranin.

Goal ta’ Armando Gjepali kien biżżejjed għat-Tim Nazzjonali fir-rebħa l-oħra 1-0 kontra x-Shadow Team ta’ Malta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com