Il-“Koħħu” Jingħata 15-il sena Ħabs Wara Li Ammetta Bl-Involviment Fil-Qtil Ta’ Daphne Caruana Galizia
Vince Muscat ta’ 58 sena, magħruf bħala “Il-Koħħu” ġie kundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta li qatel lill-ġurnalista Daphne Cauana Galizia. Hekk kif huwa ammetta r-reati kollha konnessi ma’ dan il-każ huwa ma ngħatax il-piena massima, dik ta’ għomor il-ħabs.
Il-Qorti Kriminali qalet li kien hemm tnaqqis fil-piena peress li Muscat għen lill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-informazzjoni li ra kienet utli biex dan il-każ jissolva fejn ġew arrestati persuni oħra inkonnessjoni mal-każ. Sadanittant il-Qorti kienet informata li Muscat ma kienx se jappella mis-sentenza.
Huwa kien wieħed mit-tliet akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, mixlija bl-eżekuzzjoni tad-delitt nhar is-16 t’ Ottubru tal-2017.
Kien ġie arrestat f’operazzjoni kbira li kienet twettqet mill-pulizija 50 jum wara l-qtil li seħħ permezz ta’ karozza bomba fil-Bidnija.
Issa jidher li Muscat qed jikkopera mal-pulizija. Intqal ukoll li mistenni jixhed kontra George Degiorgio u Alfred Degiorgio; iż-żewġ aħwa li wkoll kienu akkużati b’dan id-delitt.
Fil-qorti l-avukat ta’ Muscat qal dalgħodu li l-klijent tiegħu kien qed jgħarraf lill-qorti li qed jammetti għall-akkużi kollha miġjuba kontra f’dik li qed titqies bħala żvolta kbira fl-assassinju ta’ Caruana Galizia.
Ritratt: ONE News