Aktar Eks Players ta’ Hibernians Isellmu L-Memorja Tal-Mibki Tony Bezzina

 Aktar Eks Players ta’ Hibernians Isellmu L-Memorja Tal-Mibki Tony Bezzina

Tony Bezzina kien meqjus bħala l-President ta’ kulħadd fil-Futbol Malti.

Baqa’ jgawdi r-rispett sal-aħħar nifs ta’ ħajtu, fl-aħħar siegħat wara li tħabbret il-mewt tiegħu kienu ħafna dawk li sellmu l-memorja b’kitbiet imqanlqa akkumpanjati minn ritratti sbieħ mill-passat, xhieda li dan Bezzina ma’ kienx maħbub biss mill-poplu ta’ Raħal Ġdid u l-partitarji ta’ Hibernians, iżda huwa meqjus bħala ikona tal-Futbol Malti u kif qal ilbieraħ il-President tal-MFA Bjorn Vassallo, Tony se jħalli vojt li se jibqa’ jinħass għal dejjem.

Kif semmejna f’artiklu ieħor ilbieraħ, Presidenti fil-klabbs imorru u jiġu, iżda bla dubju Tony Bezzina jibqa’ magħruf bħala l-President tal-Futbol Malti.

Jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien is-Sur Tony se jibqa magħna, tifkiriet li mhu se jmutu qatt, il-presenza tiegħu se tibqa’ magħna għal dejjem, anke bid-diskors li ġa għaddej fil-komunita Pawlista tal-possibilta li jsirlu monument f’nofs il-pjazza, anke saħansitra possibiltajiet diġa kbar li l-bejta tant għal qalb kull partitarji Pawlist, il-ġojjel l-għira ta’ klabbs oħra, l-Hibernians Stadium, jibdel ismu għal “Stadium Tony Bezzina”.

Eks players li ħadmu taħt Bezzina u llum jew irtiraw jew fil-preżent jilgħabu ma’ klabbs oħra kienu fost dawk li fl-aħħar siegħat kitbu messaġġi fuq il-medja soċjali b’tislima xierqa lil Tony Bezzina.

Fost dawn Clayton Failla, li rebaħ diversi unuri mal-klabb Pawlist, illum player t’esperjenza kbira ma’ Mosta.

Failla bi ftit kliem iżda b’ritratt sinjifikanti ferm, “Grazzi ta’ kollox Sur Tony”.

Għadu sal-lum il-favorit numru wieħed mal-partitarji fost l-ex players ta’ Hibernians, il-bieb tiegħu f’Raħal Ġdid jibqa’ miftuħ għal dejjem, anke minkejja li fil-preżent għandu rwol doppju ta’ player u assistant kowċ ma’ Gżira United, klabb rival fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika, r-referenza hija ċara, Andrew Cohen.

Meqjus fost l-istilel tal-futbol Malti fl-aħħar ħmistax-il sena, l-istilla mill-Kalkara kiteb hekk, “Illum tlift it-tieni missier tiegħi tal-futbol, inti rajtni u għallimtni nikber kemm bħala player u kemm bħala raħel, kont taffaxxinani bl-umilta tiegħek.

“Malta u Raħal Ġdid ma’ jistgħu qatt jirringrazzjawk ta’ dak li għamilt fil-Futbol Malti.

“Kont tieħu d-deċiżjonijiet tiegħek bil-kwiet u bla daqq tat-trombi, b’wiċċi minn quddiem ngħid li l-aktar żmien li sibtek qrib tiegħi u tat-tim kien meta kellna staġun ħażin ħafna u konna fir-Relegation Pool.

“Hemm tara x’raġel u x’Kaptan kont, Grazzi Pres”, temm jgħid dan il-leġġenda, Andrew Cohen dwar il-mibki Tony Bezzina.

Bħal Failla u Cohen, anke David Carabott kien idolu fi żmienu mal-partitarji Pawlisti.

Minn Marsaxlokk, lagħab anke ma’ Valletta, probabbli iżda mal-klabb minn Raħal Ġdid kellu l-aqwa żmien tal-karriera.

Carabott kiteb hekk, “Sur Bezzina, grazzi tal-ħbiberija tiegħek, kont missieri tul il-karriera tal-Futbol mal-Hibernians, raġel ta’ veru, ħabib fuq kollox, Grazzi Sur Tony, Dejjem f’qalbi”.

Johann Bezzina huwa meqjus bħala wieħed mit-talenti li tela’ minn eta’ żgħira f’Raħal Ġdid, promessa li ma’ fallietx, bi ftit sforz ieħor anke possibilta li jħabbat il-bieb tat-Tim Nazzjonali Malti, temm żgħir l-esperjenza tiegħu mal-klabb Pawlist, iżda minn hemm ma’ ntilifx, ingħaqad ma’ Birkirkara, wara ma’ Mosta. Sa ġimgħatejn ilu qabel waqaf il-Kampjonat ħabba l-mewġa tal-pandemija, skorja goal tal-istampi f’rebħa Mostija 5-1 fuq Senglea Athletic.

Johann qal hekk, “Strieħ fil-paċi Pres, Int kont raġel fuq l-irġiel li taspira ħafna nies u kulħadd irid jimxi fuq il-passi tiegħek”.

Tony Bezzina ngħata l-aħħar tislima t-Tlieta wara nofsinhar f’ċelebrazzjoni ristretta minħabba l-miżuri tal-COVID19 fil-knisja ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid.

Fiċ-ċerimonja, ċ-ċelebrant Fr. Hilary Tagliaferro li ukoll ġej mill-qasam sportiv qal li dan huwa mument diffċili li fih jitkelllem fuq Tony, “Qisni qed nitkellem fuq ommi, missieri jew ħuti li ukoll iċċelebrajt l-aħħar tislima tagħhom”, tenna Fr. Hilary li ukoll u għal snin twal, għex il-futbol ma’ Tony Bezzina.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com