Aktar Miżuru Għall-Perjodu Tal-Għid Minn Għada

 Aktar Miżuru Għall-Perjodu Tal-Għid Minn Għada

Minn għada, it-Tnejn, 29 ta’ Marzu 2021, se tiġi riveduta l-lista ta’ pajjiżi taż-żona amber biex il-pajjiżi kollha li s’issa huma fiż-żona l-ħadra jiżdiedu ma’ din il-lista.

B’hekk kull vjaġġatur li jasal f’Malta minn kwalunkwe pajjiż ieħor se jkun rikjest jippreżenta PCR COVID-19 test negattiv magħmul mhux aktar minn tnejn u sebgħin (72) siegħa qabel il-wasla tiegħu f’Malta. Persuni li jonqsu milli jipproduċu dan it-test jistgħu jkunu sottomessi għall-ittestjar f’Malta u jistgħu jkunu soġġetti għall-kwarantina.

Titjir minn pajjiżi fiż-żona l-ħamra se jibqa’ projbit għajr għal vjaġġi ta’ ripatrijazzjoni.

Dan filwaqt li min-nhar l-Erbgħa, 31 ta’ Marzu 2021, l-ammont massimu ta’ persuni li jistgħu jinġemgħu fi spazji pubbliċi se jonqos minn 4 persuni għal 2 persuni. Din il-miżura ma tapplikax għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Dan ifisser li fi  spazji  pubbliċi,  gruppi  ta’  aktar  minn  2 persuni għandhom ikunu projbiti, inkluż fi kjus u fuq bus stops, sakemm ma tinżammx id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejniethom.

Persuni li jiksru din il-miżura ser ikunu soġġetti għal multa ta’ €300 kull persuna.

Il-miżuri l-ġodda qed jidħlu fis-seħħ fuq suġġeriment tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika sabiex tkun limitata iżjed l-imxija ta’ COVID-19 waqt il-festi tal-Għid u japplikaw sal-11 t’April li ġej.

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com