Ambjent Aħjar Għas-Saħħa Tan-Nies – Stefan Zrinzo Azzopardi
Kull miżura li nieħdu biex insaħħu l-ambjent tagħna hija fiha nfisha miżura biex nibżgħu għas-saħħa tan-nies. Meta l-Gvern Laburista iddeċieda li jagħlaq il-power station tal-Marsa għamel dan biex jipproteġi s-saħħa tan-nies. L-istess meta iddeċieda li jwaqqaf milli jintuża l-aktar żejt li jniġġeż fil-power station tal-BWSC ta’ Delimara.
Għas-saħħa tan-nies ukoll kienet id-deċiżjoni għaqlija li s-sors prinċipali tal-enerġija tagħna jkun ġej minn impjanti li jaħdmu bil-gass.
Izda l-Gvern ma waqafx hawn. Barra dawn id-deċiżjonijiet għaqlija kollha beda jimplimenta proġetti, bosta minnhom iffinazjati mill-Fondi Ewropej biex l-ambjent ta’ pajjiżna jkompli jitjieb u b’hekk titjieb il-ħajja tan-nies.
Fl-aħħar jiem kelli x-xorti li flimkien mal-Ministru tal-Infrastruttura, l-kollega Ian Borg, nerġa’ nżur il-proġett kbir li għaddej bħalissa fil-Port il-Kbir biex il-vapuri tal-passiġġieri u oħrajn, meta jitrakkaw mal-mollijiet tal-Port, jitfu l-magni tagħhom u jibdew jużaw l-elettriku mill-grid nazzjonali. Dan huwa proġett ta’ madwar €50 miljun li kwazi €22 miljun minnhom huma ffinanzjati minn dik magħrufa bħala l-Connecting Europe Facility (CEF) tal-Unjoni Ewropej.
Dawn huma fondi Ewropej li qed jintużaw biex in-nies kollha fl-inħawi tal-Port il-Kbir, mill-Belt, sal-Furjana, il-Marsa u l-Ħamrun, kif ukoll dawk li jgħixu fl-inħawi ta’ Raħal Ġdid u l-Kottonera jkollhom arja aktar nadifa u b’hekk ambjent aħjar.
Huwa kkalkulat li b’dan il-proġett l-emmissjonijiet tad-dħaħen velenużi għal dawn l-inħawi se jonqsu b’madwar 90%. Biex nipproteġu wkoll is-saħħa tan-nies fl-inħawi ta’ Birżebbuġa, għaddejjin ukoll bli sforzi tagħna biex niksbu finanzjament Ewropew ħalli proġett simili jitwettaq ukoll fil-Port Ħieles ta’ Birżubbuġa fix-xhur li ġejjin.
It-titjib ambjentali permezz ta’ proġetti iffinanzjati minn Fondi Ewropew qed ikompli għaddej bi proġetti oħra bħal dak tal-Junction tal-Marsa u l-Underpass ta’ Santa Luċija li eliminaw il-problema tal-konġestjoni tat-traffiku u d-dewmien fl-ivvjaġġar għan-nies kollha li kienu jgħaddu minn dawn l-inħawi. Ma dawn inżidu wkoll il-proġett tas-Central Link fl-inħawi tal-Imrieħel u Ħ’Attard, proġett ieħor li se jġib titjib fil-ħajja ta’ eluf ta’ nies li jgħaddu ta’ kuljum mill-inħawi.
Fondi Ewropej oħra qed nużawhom bil-għaqal biex nirrijabilitaw u nsebbħu l-widien tagħna, bħax-xogħol kbir li qed isir f’Wied il-Qlejja, magħruf bħala ċ-Chadwick Lakes filwaqt li qed nirrijabilitaw ukoll il-miżbla ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq biex minn miżbla tinbidel f’post ta’ spazju miftuħ għan-nies.
Ser inkomplu naraw li anke fis-snin li ġejjin, bl-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljuni ta’ Fondi Ewropej li ġibna għal pajjiżna, nkomplu nwettqu proġetti ambjentali kbar li jagħmlu d-differenza fil-ħajja taċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin.
Ritratt: Wied Fulija – Żurrieq