Bħal-Lum Sena: It-Traġedja Li Ħalliet Lil Miriam Pace Mejta Taħt Tifrik Ta’ Darha
Sena ilu, għal familja Pace kienet ħajja normali u sabiħa, Miriam u r-raġel tagħha kienu jinħabbu b’imħabba liema bħala, u issa li kibru it-tfal, kienu qed jagħmlu diversi pjanijiet. Sakemm sena ilu, kmieni waranofsinhar intradmet taħt it-tifrik tad-dar tagħha fil-Ħamrun. Dakinhar inbidel kollox għall-familja Pace.
It-traġedja seħħet meta d-dar ta’ Miriam Pace iġġarfet waqt fl-art biswit id-dar kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni.
It-tfitxija kienet damet sigħat biex instab il-katavru ta’ Miriam Pace, u kien instab tard filgħaxija.
F’messaġġ f’għeluq is-sena, Carmel, ir-raġel ta’ Miriam kiteb “aw ħanini tiegħi, għaddiet sena minn meta l-aħħar li kelimtek u rajtek mimlija ħajja. X’anniversarju dak hux? Anniversarju li minflok tiċċelebra terġa’ tispiċċa mkisser meta jibdew jiġu quddiem għajnejk sekonda b’sekonda l-avvenimenti kollha li ġraw f’dan il jum misħut.”
Carmel kiteb li dan huwa jum li tilef kollox.