B’Valur Ta’ Madwar €200,000 Triq il-Kbira Fix-Xewkija Tiġi Rranġata U Tingħata T-Tarmak

 B’Valur Ta’ Madwar €200,000 Triq il-Kbira Fix-Xewkija Tiġi Rranġata U Tingħata T-Tarmak

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li qed isiru fuq Triq il-Kbira fix-Xewkija, li ġiet irranġata b’valur ta’ madwar €200,000. Il-ministru stqarr li, “Fi żmien xahar biss, din it-triq, b’tul ta’ 280 metru, ġiet rikostitwita mill-qiegħ, saru s-servizzi ġodda li kien hemm bżonn, u issa t-triq reġgħet inbniet mill-ġdid”.

Clint Camilleri qal li dan il-proġett ma kienx jinvolvi biss li jiġi rranġat wiċċ it-triq imma l-bini mill-ġdid tagħha biex illum setgħet tingħata t-tarmak. Huwa kompla jispjega li l-ħidma infrastrutturali sabiex jiġu rranġati diversi toroq madwar Għawdex għaddejja b’ritmu tajjeb ħafna u qed isiru toroq li kienu ilhom snin fi stat ta’ abbandun u bi ħtieġa kbira li jiġu rranġati u jingħataw it-tarmak.

Is-Sindku tax-Xewkija Hubert Saliba rringrazzja lill-Ministru Camilleri li permezz tal-finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex irranġa wkoll din it-triq wara li ftit tal-ġimgħat ilu tlestiet Triq Santa Eliżabetta fix-Xewkija, b’valur ta’ €400,000, li wkoll inbniet mill-ġdid.

Il-ministru temm billi rringrazzja lill-ħaddiema għax-xogħol tagħhom kif ukoll lir-residenti li kkoperaw waqt li kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet u wiegħed aktar ħidma sabiex ikomplu jiġu rranġati aktar toroq madwar il-lokalitajiet Għawdxin.

DCIM100MEDIADJI_0256.JPG
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com