Claire Azzopardi B’Prestazzjoni Mill-Aqwa fil-Kampjonati Ewropej Indoor tal-Atletika

 Claire Azzopardi B’Prestazzjoni Mill-Aqwa fil-Kampjonati Ewropej Indoor tal-Atletika

L-atleta Claire Azzopardi kellha prestazzjoni eċċellenti li fiha kisbet l-aqwa riżultat personali għaliha fil-Kampjonati Ewropej Indoor tal-Atletika li qed isiru f’Torun, fil-Polonja, b’qabża ta’ 5.51m.

Għal Azzopardi, l-Atleta tas-Sena fl-2019, wara li kienet rebħet il-midalja tal-fidda fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, dan kien riużultat eċċellenti ieħor li jingħaqad ma’ suċċessi oħra miksub fl-aħħar xhur. L-atleta ta’ Pembroke hija preżentement ċ-Ċampjin Nazzjonali fil-long jump u għandha wkoll ir-rekord nazzjonali fit-Triple Jump.

It-tim Malti f’dan l-avveniment, li huwa l-aktar kompetizzjoni importanti indoor fl-atletika, u li jsir kull sentejn, kellu jinkludi żewġ atleti oħra, Carla Scicluna u Jacob Elaida Chaffey fis-60m sprint iżda t-tnejn li huma sfortunatament ma setgħux jipparteċipaw minħabba ċirkostanzi mhux mistennija marbuta mal-pandemija.

Andy Grech, President ta’ Athletics Malta, li akkumpanja lil Azzopardi fil-Polonja, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-riżultat tagħha.

Dan l-avveniment, organizzat minn European Athletics, serva wkoll ta’ opportunità għad-delegazzjoni Maltija, li kienet tinkludi wkoll lil Aldrin Cassar, is-Segretarju Ġenerali, biex twettaq netwerking estensiv ma’ rappreżentanti minn pajjiżi oħrajn fl-isforzi tal-Assoċjazzjoni biex tkompli tpoġġi lill-pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali tal-atletika u tippromwovi l-avveniment tal-World Continental Tour li se jsir f’Malta f’Lulju.

 

Ritratt: Atheltics Malta

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com