“Dan Il-Gvern Anqas F’Pandemija Ma Żied Taxxa Waħda” – Il-Ministru Owen Bonnici
Il-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Istrateġija għall-Wara L-Covid-19 Dr Owen Bonnici, illum fil-Parlament elenka l-ġid li sar fi 8 snin ta’ Gvern Laburista fejn beda biex semma l-liġi tal-finanzjament tal-Partit li hija liġi li għall-ewwel darba rregolat il-partit politiċi f’pajjiżna wara li gvern preċedenti kien ilu jgħid li se jagħmel hekk.
Semma wkoll it-tneħħija tal-preskrizzjoni li hija marbuta mar-reati tal-korruzzjoni magħmulha mill-politiċi, il-liġi tal-‘whistle blowers’ fejn qal li din ġiet imfaħħra anke mill-Kummissjoni Ewropea fejn tenniet li l-aqwa żewġ liġijiet tal-‘whistle blowers’ fid-dinja huma dawk tal-Irlanda u ta’ Malta.
Bonnici fakkar ukoll fil-kumitat li jagħmel il-‘grilling’ lill-uffiċjali qabel dawn jingħataw karigi importanti fil-pajjiż u anke l-bidla fil-metodu ta’ kif jinħatru l-ġudikanti, liema metodu, l-Avukat Ġenerali tal-Unjoni Ewropea qal li huwa metodu tajjeb.
“Qsamna wkoll l-irwoli doppji tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fit-tnejn wara li kien ilu kważi seklu mwaħħad f’funzjoni waħda”, qal il-Ministru Bonnici.
Kien hawn fejn semma wkoll il-liġi ġdida favur il-liberta tal-istampa, jiġifieri dik ġurnalistika u artistika fejn tneħħa l-libell kriminali darba għal dejjem u anke d-difiżi li jistgħu jużaw ġurnalisti meta jkunu qed jaqdu d-doveri tagħhom.
F’ħinijiet tad-diskors, Bonnici wera d-diżappunt tiegħu kif membri tal-partit nazzjonalista jikkritikaw lil Malta barra minn xtutna u jfajru ‘sitta la sinistra’ kontra Malta meta dan jagħmel ħsara kbira, u qal li mbagħad imorru jaqbżu għal Orban tal-Ungerija.
Araw il-filmat kollu hawn:
Ritratt: Facebook/ Owen Bonnici