Devis Mangia – “Nittama Li l-Kampjonat Ikompli.. Aħna Biss Weqfin.. Jekk Nibqgħu Hekk Impossibli Tipprepara Għal Dan It-Tip Ta’ Logħob”
Wara t-telfa 3-1 kontra r-Russja fl-ewwel logħba mill-European Qualifiers għat-Tazza tad-Dinja, l-kummenti kollox ma’ kollox kienu pożittivi, għalkemm tibqa dik id-dieqa li wirja tajba ma’ dawwarnijix f’riżultat aħjar.
Xi swaba ppuntati lejn xi individwi għall-goals li sofrejna iżda “L-iżbalji kienu tat-tim kollu bħal ma’ meta nerbħu huwa mertu tat-tim kollu”, tenna wara l-partita l-Kowċ Nazzjonali Devis Mangia.
Referenza minn Mangia għas-sospensjoni tal-Kampjonat Premier bħalissa, “Il-COVID hija xi ħaġa li qed tiġi trattata tajjeb ferm f’dan il-pajjiż grazzi għall-isforzi tal-esperti, l-awtoritajiet u issa bit-tilqima, madankollu l-Futbol ma’ jistgħax jibqa wieqaf”.
Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa fejn il-Kampjonat reġa waqaf, “Kif tridni nipprepara l-players tiegħi, nittamaw li nitjiebu u niksbu riżultati tajbin fil-logħbiet ta’ wara dawn f’Settembru, jekk il-players jibqgħu weqfin”, tenna Mangia u dejjem jekk il-Kampjonat Premier ma’ jkomplix.
L-aħħar statistika turi biċ-ċar li l-figuri marbuta ma’ każi pożittivi ta’ COVID 19 u l-Futbol f’Malta huma baxxi ħafna.
L-MFA mill-bidu tal-pandemija ‘l hawn diġa nefqet eluf ta’ ewro f’testijiet fuq players u nies oħra fil-klabbs u oħrajn involuti jew li jaħdmu fil-logħba f’Malta, li minnhom 98% ta’ dawn it-testijiet irriżultaw negattivi għall-COVID19.
Dwar il-logħba tal-Erbgħa Mangia kompla jgħid, “Dat-tim għadu f’work in progress, lgħabna kontra pajjiż li fl-aħħar Tazza tad-Dinja f’pajjiżu ma’ ninsewx wasal sal-Kwarti Finali, iżda sodisfatt li speċjalment fit-tieni taqsima kellna kontroll fuq l-andament tal-partita, żammejna u tellajna l-ballun tajjeb, ħloqna l-okkażjonijiet u skurjajna goal mill-isbaħ, apparti li konna ferm viċin ukoll li niksbu l-goal tad-draw.
“Hemm lok ta’ titjib, tattikament qed ikunu dixxiplinati, mentalita pożittiva, nuru personalita u players agressivi kif irrid nara fit-timijiet tiegħi, iżda forsi rridu naħdmu u nikbru aktar fiżikament”, temm jgħid wara t-telfa kontra r-Russja, l-kowċ Nazzjonali Malti Devis Mangia.
Il-Ħamis wara nofsinhar il-players Maltin iħallu pajjiżna lejn is-Slovakkja fejn tkompli l-preparazzjoni qabel il-logħba tas-Sibt f’Trnava kontra l-istess pajjiż, dejjem minn Grupp Ħ ta’ Kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.
Il-logħba tal-Erbgħa fl-Istadium Nazzjonali kienet ukoll it-98 waħda għall-captain Andrei Agius bil-flokk Nazzjonali li fuqu għażel numru insolitu għalih il-15, biex ifakkar u jsellem il-memorja tal-mibki President tal-klabb tiegħu, Hibernians, Tony Bezzina, li l-ġimgħa li għaddiet għadda għall-ħajja ta’ dejjem, propju fil-15 ta’ Marzu.