FA Trophy – Din Il-Ġimgħa Jkunu Magħrufa T-Tmien Kwarti Finalisti
RITRATT – Mark Zammit Cordina – Ħamrun Spartans
Bejn it-Tlieta u l-Ħamis jintlgħabu t-tmien logħbiet mill-Fażi tas-Sittax tal-FA Trophy.
Tliet logħbiet it-Tlieta, kollox jibda fis-Centenary Stadium meta fil-5pm Gżira United għandhom l-opportunita li jeliminaw minn moħħom it-telfa tas-Sibt fil-Kampjonat 2-1 kontra Ħamrun Spartans, li prattikament kważi temmet it-tamiet tal-Maroons li jkomplu bl-isfida għar-rebħ tat-titlu, huma jiltaqgħu kontra tim li ġej minn żewġ rebħiet infila fil-Kampjonat kemm ilhom Tarxien Rainbows taħt il-gwida tal-kowċ Steve D’Amato.
It-Tlieta ukoll fis-6.30pm konfront interessanti fil-Gozo Stadium ix-Xewkija, meta l-leaders tal-Kampjonat Għawdxi, Għajnsielem jospitaw lil Birkirkara, dawn tal-aħħar friski mir-rebħa 2-0 fuq Floriana u ż-żewġ goals kapulavur ta’ Paul Mbong u Luke Montebello li bihom rebħu dak il-konfront.
It-Tlieta fit-8.30pm fil-Victor Tedesco Stadium, Naxxar Lions kontra St. Andrews fi dwell dirett bejn timijiet mill-BOV Challenge League u opportunita għal wieħed minnhom li mit-tieni kategorija jaqta’ l-passaġġ għall-Kwarti tal-Finali u tibqa ħajja l-mixja tagħhom dan l-istaġun f’din il-kompetizzjoni prestiġġjuża.
Erba’ logħbiet l-Erbgħa kollha f’venues differenti, fil-5pm fis-Centenary Stadium, Pembroke Athleta kontra Hibernians, kurjuż il-fatt li l-goalkeeper tal-Pawlisti Matthew Calleja Cremona jekk jiddefendi l-lasti tat-tim tiegħu u ma’ jingħatax ċans rari fl-ewwel ħdax Rudy Briffa, jkun qed jilgħab kontra t-tim li miegħu għamel isem u li miegħu ddebutta fil-Premier u kontra missieru, hekk kif Alex Calleja missier Matthew, huwa l-President ta’ Pembroke Athleta, klabb ambizzjuż li dan l-istaġun qed jimmira u jinsab dejjem aktar viċin ritorn fl-ogħla diviżjoni l-istaġun li ġej.
Fis-6.30pm l-Erbgħa, faċli wisq għall-leaders tal-Kampjonat BOV Premier Ħamrun Spartans kontra t-tim tal-qiegħ fl-Ewwel Diviżjoni Għawdxija Xagħra United, logħba li fiha l-kowċ Ħamruniż l-Għawdxi Mark Buttigieg mistenni jutilizza players anqas regolari u opportunita għalihom li jimpressjonaw u jikkontendu biex jekk ma’ jilgħabux jagħmlu l-iskwadra s-Sibt li ġej fil-logħba l-kbira u ta’ preġju enormi, d-dwell dirett kontra Hibernians.
Il-konfront bejn Xagħra United u Ħamrun Spartans nhar l-Erbgħa se jintlgħab fil-Gozo Stadium, it-tieni dehra b’hekk għall-Ispartans f’dan l-istadium, wara li fil-fażi preċedenti tat-32 huma ukoll affrontaw tim Għawdxi hemmhekk, u rebħu 3-1 kontra Sannat Lions nhar l-Erbgħa 10 ta’ Frar li għadda.
Lura Malta nhar l-Erbgħa, fil-Hibernians Stadium, ukoll fis-6.30pm it-tieni dwell fi tliet t’ijiem bejn Senglea Athletic u Valletta, b’dawn tal-aħħar il-Ħadd rebħulhom 3-1 fil-Kampjonat, bil-Beltin li mistennija isibuha faċli biex jerġgħu jegħlbu lil Tal-Kottonera u kif inhuma mistennija l-Beltin jaqtgħu passaġġ għal mal-aħħar tmienja.
Il-konfront l-aktar mistennni u probabbilment l-aktar bilanċjat minn din il-fażi tas-Sittax tal-kompetizzjoni jintlgħab l-Erbgħa fl-Istadium Nazzjonali, konfront li ukoll jibda fis-6.30pm u bħal ta’ qablu, t-tieni dwell bejn Santa Lucia u Mosta f’anqas minn ġimgħa wara li ż-żewġ naħat iltaqgħu fi dwell divertenti s-Sibt li għadda fil-Kampjonat bil-Mostin joħorġu rebbieħa 3-2.
Dan ir-round ta’ logħbiet jiġi fi tmiemhu l-Ħamis filgħaxija, partita oħra li mistennija tiżvolġi f’waħda ekwilibrata bejn Sirens mill-Kampjonat BOV Premier u l-leaders tal-BOV Challenge League, Marsa, logħba li tibda fit-8.30pm biex naraw min bejn dawn iż-żewġ naħat se jkun it-tmien u l-aħħar tim li se jaqta passaġġ għall-Kwarti tal-Finali tal-FA Trophy dan l-istaġun.