FA Trophy Fazi tas-16.. St. Andrews Wara l-Penalties Jikkwalifikaw Ma’ Gzira United U Birkirkara
FA Trophy – Fazi tas-Sittax
Tard it-Tlieta filgħaxija f’logħba li ntemmet fil-11.15pm ta’ bil-lejl, St.Andrews avvanzaw għal-Kwarti Finali tal-FA Trophy meta bil-penalties għelbu lil Naxxar Lions, bħalhom mill-BOV Challenge League wara li l-logħba kaxkret fi draw ta’ mingħajr goals sa wara l-ħin barrani.
Aktar kmieni, ukoll wara l-ħin barrani, Gzira United għelbu lil Tarxien Rainbows 4-2, Rainbows b’vantaġġ doppju minn Rafael Kooh Sohna u Vito Plut, Gzira ġabu draw sad-disgħin minuta mill-Boznijak Bahrudin Atajic u Nikolai Muscat, fil-ħin barrani zewġ goals oħra għall-Maroons minn Riccardo Correa u Maxuell Maia.
Fil-Gozo Stadium, wirja oħra konvinċenti għal Birkirkara biex għelbu lil Għajnsielem 4-1.
3-0 sal-mistrieħ b’zewġ goals simili bir-ras minn korner għad-difensuri Kurt Zammit u Enrico Pepe, fl-40 minuta wara kontrattakk veloċi Paul Mbong għamilhom tlieta, ezatt wara l-mistrieħ is-Serb, l-aqwa skorer fil-Kampjonat Għawdxin bi 12-il goal, Igor Nedeljkovic naqqas id-distakk għal-leaders tal-Gozo Football League b’daqqa ta’ ras sabiħa, qabel ir-raba’ goal Karkariz fis-87 minuta minn rebound ta’ Caio Prado, wara xutt ta’ Luke Montebello kien imblukkat mill-goalkeeper t’Għajnsielem Parnis, li kieku ma’ kienx għalih b’diversi saves fil-lasti tat-tim Għawdxi, fosthom anke penalty ta’ Prado kmieni fil-partita meta l-iskor kien għadu ma’ nfetaħx, ir-rebħa Karkariza setgħet tkun ferm akbar.
L-Erbgħa, erba’ logħbiet oħra minn din il-fazi tas-Sittax tal-FA Trophy, Pembroke Athleta kontra Hibernians fil-5pm fis-Centenary Stadium, tliet logħbiet jibdew fis-6.30pm, fil-Gozo Stadium, Xagħra United kontra Ħamrun Spartans, fil-Hibernians Stadium, Valletta kontra Senglea Athletic, fl-Istadium Nazzjonali dwell mistenni bilanċjat bejn Santa Lucia u Mosta.
L-aħħar dwell min din il-fazi tal-FA Trophy jintlgħab il-Ħamis bejn Sirens u l-leaders tal-BOV Challenge League, Marsa.