Fl-ewwel Xaharejn Tal-2021 L-industrija Tal-Films Tħalli €300,000 Kuljum Fl-Ekonomija
Minn Jannar sa issa l-industrija tal-Films f’Malta ġġenerat €18-il miljun, li jfisser €300,000 kuljum. Dan ħareġ minn intervista li l-Kummissarju tal-Kummissjoni Maltija tal-Films Johann Grech għamel mal-gazzetta Illum.
Grech spjega li fl-aħħar snin inħadmu 50 produzzjoni li ħallew ‘l fuq minn €100 miljun fl-ekonomija tal-pajjiż, u dan bil-perjodu tal-Covid-19 inkluż, grazzi għal protokolli maqbulin mas-Supretendent Charmaine Gauci x-xogħol seta’ jibqa’ għaddej.
Johann Grech fakkar li Malta dejjem attirat films tajbin u tal-ogħla kwalità u dan grazzi għall-crew ta’ talent u professjonali.
Fl-2018 kienu reġistrati 300 persuna bħala crew u 60 kumpanija li qed joperaw f’din l-industrija. Illum spjega Johann Grech din l-industrija għanda 1,000 persuna bħala crew u iktar minn 350 kumpanija.
Grech fakkar illi fl-aħħar snin – fost il-produzzjonijiet li saru f’Malta – kien hemm dik ta’ Foundation għall-Apple TV li ħalliet aktar minn €10 miljuni fil-pajjiż, reġa’ qed jinġibed – għat-tielet darba – Das Boot li se jħalli €7 miljuni fl-ekonomija u bħalissa wkoll għaddejja produzzjoni kbira Taljana.