Id-‘derby’ u Napoli Deċisivi Għal Pirlo F’Riskju Li Jitlef Postu
Kritika ħarxa fl-aħħar siegħat lil Juventus wara telfa umiljanti 1-0 f’darhom ma’ Benevento li dan l-istaġun fil-Kampjonat akkwistaw erba’ punti minn sitta fiż-żewġ dwelli fis-Serie A maċ-Champions Taljani.
Staġun diżappuntanti għal Juventus, kellhom l-opportunita jagħmluhom rekord 10 scudetti nfila, issa kważi biċ-ċert sfuma kollox fix-xejn.
Attwalment jinsabu għaxar punti taħt il-leaders Inter, iżda jonqos għaż-żewġ naħat ħdax-il logħba oħra għal tmiem il-Kampjonat, xorta d-distakk f’dan l-istadju jidher wisq.
Id-diriġenza Juventina fl-aħħar siegħat iltaqgħet biex tiddiskuta s-sitwazzjoni prekarja u ġimgħatejn wara li għal staġun ieħor Juventus fallew fl-Ewropa b’eliminazzjoni fi stadju bikri, did-darba kontra Porto fil-fażi tas-Sittax.
Jirriżulta li waqt li kwalifikazzjoni għal-UEFA Champions League l-istaġun li ġej issa ssir l-ewwel priorita għall-klabb minn Turin, għaliex anke din qiegħda f’riskju b’seba’ timijiet kollha ġo xulxin jiġġieldu għal erba’ postijiet, iż-żewġ logħbiet li ġejjin fil-Kampjonat wara l-waqfa għal-logħbiet internazzjonali, d-‘derby’ kontra Torino u l-logħba li ilha Kampjonat sħiħ biex tintlgħab wara li tħassret kmieni fl-istaġun minħabba l-COVID, id-dwell tas-7 t’April kontra r-rivali Napoli, jidhru huma determinanti għal Pirlo biex isalva postu bħala kowċ ta’ Juventus.
Semmejna l-Partenopei mmexxija mill-kowċ bravu Gennnaro Gattuso li bħalissa għaddejjin minn forma brillanti, ġejjin minn żewġ rebħiet prestiġġjużi barra minn darhom fil-Kampjonat, kontra Milan (0-1) u l-Ħadd 2-0 għand Roma fi Stadio Olimpico.