“Il-Konfront U L-Partiġġjaniżmu Sfrenat Iġibu L-Mibegħa” – Il-PL
Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li l-attakk fuq ġurnalista minn wieħed mill-ikbar sostenituri ta’ Bernard Grech huwa sintomu tal-politika tal-konfront u l-partiġġjaniżmu sfrenat li l-Kap tal-Oppożizzjoni u dawk li jappoġġjawh jipprattikaw ta’ kuljum.
Intqal li d-diskors diviżiv, l-attitudni klassista u l-attakk fuq kull min għandu opinjoni differenti huma r-regola tal-ġurnata għall-fazzjoni ta’ Bernard Grech.
Dak li rajna dalgħodu fil-konfront tal-istess ġurnalista li hu stieden biex tintervistah m’hu xejn għajr sintomu ta’ dan.
Il-Partit Laburista tenna li dan l-attakk, seħħ mill-istess persuna li l-Qorti diġà kkundannatu għal attakki simili fuq deputat tal-Gvern.
Huwa Bernard Grech li b’għemilu jinstiga dan it-tip ta’ aġir. Ghalhekk min jappoġġjah ma ħasibiex darbtejn biex jattakka l-ġurnalista ladarba Bernard Grech innifsu attakka lill-ġurnalist li staqsih domandi li m’għoġbuhx,temmet tgħid l-istqarrija.