Il-PM F’Laqgħa Bilaterali Mal-President Tal-PE – Jistiednu Għal Żjara Uffiċjali F’Malta
Il-Prim Ministru Robert Abela stieden lill-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli u lill-Kapijiet tal-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew għal żjara uffiċjali f’Malta sabiex ikollhom viżibbiltà aktar ċara tal-bidliet bla preċedent li wettaq il-Gvern Malti għat-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
Dr Abela għamel din l-istedina waqt laqgħa bilaterali b’mod viżwali li kellu mal-President tal-Parlament Ewropew.
Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li matul il-laqgħa ġew diskussi l-bidliet kbar u riformi bla preċedent li għamel il-Gvern Malti biex tkompli tissaħħaħ is-saltna tad-dritt, kif ukoll biex l-istituzzjonijiet ikunu aktar effettivi fit-twettiq tal-ġustizzja.
Żied jingħad li l-Prim Ministru Abela spjega r-riformi li twettqu wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni Venezja u proċess parlamentari. Huwa elenka wkoll il-bidliet li ġew implimentati biex tiġi miġġielda l-kriminalità u l-ħasil tal-flus. Il-Prim Ministru tenna li hu kommess li jkompli jwettaq dawn ir-riformi.
L-istqarrija kwotat ukoll lill-President tal-Parlament Ewropew jirrikonoxxa li l-Gvern Malti wettaq ħidma bla preċedent fil-qasam tal-ġustizzja u fl-isforzi tiegħu f’dan is-settur.