Il-Wage Supplement Se Jibqa’ Jingħata Sal-Aħħar Tas-Sena

 Il-Wage Supplement Se Jibqa’ Jingħata Sal-Aħħar Tas-Sena

Il-Covid Wage Supplement se jibqa’ jingħata sal-aħħar tas-sena. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, fejn ġie spjegat kif sal-aħħar tas-sena l-gvern se jibqa’ jassisti lill-kumpaniji kollha.

Dan fi proċess li gradwalment minn wara Ġunju se jkun qed inaqqas id-dipendenza fuq is-sussidju għal dawk il-kumpaniji li se jkunu esposti għall-inqas impatt finanzjarju negattiv. Fl-istess ħin, dawn il-kumpaniji se jkunu qed jibbenefikaw minn skemi ta’ għajnuna biex ikunu jistgħu jinvestu fit-tkabbir tagħhom.

“Irridu ngħinu lill-kumpaniji Maltin ikunu aktar kompetittivi fil-futur. F’dawn ix-xhur, bqajna għaddejjin b’diskussjonijiet mal-istakeholders u rappreżentanti ta’ setturi differenti tal-intrapriża Maltija, sabiex flimkien infasslu numru ta’ inizjattivi u skemi li jkunu ta’ sostenn għall-businesses tagħna fix-xhur kruċjali quddiemna,” qalet il-Ministru Dalli. Spjegat kif lil hinn mill-għajnuna diretta li l-gvern, permezz ta’ Malta Enterprise, qed jestendi, qed tingħata viżibilità li tgħin lill-intrapriżi jippjanaw għall-quddiem.

Miriam Dalli saħqet li se jkunu introdotti miżuri alternattivi li jżiedu l-għajnuna lill-kumpaniji u lill-intrapriża Maltija, sabiex din tkun tista’ tirriġenera u tinvesti fit-tkabbir tagħha. L-għajnuna diretta li qed tingħata lin-negozji fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena tammonta għal €70 miljun. Fosthom hemm għajnuniet fil-ħlas tal-kirjiet li s-sidien tan-negozji bdew jirċievu aktar kmieni dan ix-xahar, b’għajnuna inizjali ta’ €5.5 miljun. Lil hinn mis-€70 miljun, l-għajnuna totali fuq il-kirjiet hija mistennija li tilħaq it-€12-il miljun.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana qal li matul is-sena li għaddiet il-gvern ta xejn inqas minn €360 miljun f’għajnuna permezz ta’ dan il-benefiċċju tal-Covid Wage Supplement. Dan ifisser bejn wieħed u ieħor tlieta fil-mija tal-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna. Il-Ministru Caruana spjega kif, li kieku l-gvern ma interveniex bil-ħafna miżuri li ġew imħabbra matul ix-xhur li għaddew, kieku l-waqgħa fil-prodott domestiku gross ta’ pajjiżna kienet tkun ferm ikbar minn dak li ġie mħabbar fil-jiem li għaddew – dik ta’ 7% f’termini reali, u 5.7% f’termini nominali. Permezz ta’ din il-miżura waħedha, il-gvern irnexxielu jnaqqas din id-daqqa b’terz u jsalva eluf ta’ impjiegi.

Il-Ministru Caruana kompla billi qal li dan is-sostenn huwa essenzjali għall-irkupru ekonomiku iktar ’il quddiem. Permezz ta’ din l-estensjoni tal-Covid Wage Supplement u miżuri oħra, se jkun qed jitħalla ’l fuq minn €200 miljun oħra fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin minn April sal-aħħar tas-sena 2021.

Spjega ukoll kif bħalissa għaddejja ħidma bejn il-Bank Nazzjonali tal-Iżvilupp, il-Bank Ċentrali u l-banek kummerċjali kollha dwar il-moratorja. Il-gvern se jkun qed jara li jkun hemm pjan sabiex il-kumpaniji jingħataw l-għajnuna li hemm bżonn.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com