Inżamm Arrestat Fuq Akkużi Ta’ Ħasil Ta’ Flus
L-awditur Chris Baldacchino nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus. Dan b’rabta ma’ skema li permezz tagħha kien qed isir serq ta’ fjuwil li jleħħaq il-miljuni ta’ ewro.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kien il-moħħ wara l-ħasil ta’ fondi illeċti għal grupp kriminali li allegatament huwa involut fis-serq tal-fjuwil.
Il-Maġistrat Ian Farrugia nnota s-serjetà tal-akkużi u l-fatt li fadal diversi persuni li jridu jixhdu, u għalhekk it-talba għal ħelsien mill-arrest ma ġietx milqugħa.
Is-sena l-oħra, il-kumpanija ta’ Baldacchino kienet immultata €58,000 minħabba nuqqas ta’ kontrolli fuq ħasil ta’ flus, li setgħu iwasslu biex il-kumpanija tkun użata u abbużata minn persuni li jaħslu l-flus sabiex jevitaw kontrolli li suppost isiru.
Allegatament, il-kumpanija kienet involuta f’grupp ta’ serq ta’ fjuwil mil-Libja li leħħaq il-valur ta’ €30 miljun, u li allegatament kien jitmexxa mill-eks plajer internazzjonali tal-‘football’ Darren Debono flimkien mal-kollega tiegħu Gordon Debono.