“Iridu Dibattitu Fuq Dak Li Ħiereġ Mill-Qorti Akkost Li Ma Ssirx Ġustizzja” – Cyrus Engerer
“Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Nazzjonalista fi Brussell iridu dibattitu dwar dak li qiegħed jgħid ix-xhud fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia akkost li ma toħroġx il-verità fil-Qorti u ma ssirx ġustizzja,” qal il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer f’diskors li sar fuq il-mezzi soċjali dalgħodu.
Engerer spjega kif issa, in-Nazzjonalisti fi Brussell qegħdin jitolbu bidla fil-proċedura biex ikun jista’ jiddaħħal dan id-dibattitu f’nofs ix-xhieda ta’ Vince Muscat fil-Qorti. Qal li peress li l-Partit Popolari Ewropew hu l-ikbar partit fil-Parlament Ewropew u fuq kwistjonijiet sensazzjonali faċli li ġġib maġġoranza biex kwalunkwe dibattitu jsir b’urġenza, issa qed tintalab bidla fil-proċedura biex id-dibattitu jsir din il-ġimgħa.
“L-ebda diskussjoni dwar Malta ma tbeżżani għaliex għamilna avvanzi kbar matul din l-aħħar sena bit-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela biex ikollna istituzzjonijiet b’saħħithom mingħajr indħil politiku. Ir-riżultati tax-xogħol li sar issa qegħdin jidhru wkoll u ħadd ma għadu jiddubitahom,” saħaq Engerer.
Engerer kompla jżid billi qal li jkun insensittiv ħafna mill-Parlament Ewropew li jitħalla jsir dan id-dibattitu f’din il-fażi tant importanti tal-proċeduri li għaddejin fil-Qorti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Hu fakkar fi żbalji li kienu saru fil-passat u li importanti li ma jiġux irrepetuti. Hu qal li f’dan l-istadju hu importanti li l-qrati ta’ pajjiżna jitħallew jaħdmu mingħajr ebda indħil politiku, inkluż dak tal-Parlament Ewropew.
“Aħna rridu li toħrog il-verità kollha dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia u li ssir ġustizzja f’istituzzjonijiet li ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Dan possibli biss mingħajr indħil politiku,” temm jgħid Engerer.