Is-Sitwazzjoni Fl-Iskejjel Tinbidel Kompletament Bil-Varjant – L-MUT B’Tilwima Industrijali

 Is-Sitwazzjoni Fl-Iskejjel Tinbidel Kompletament Bil-Varjant – L-MUT B’Tilwima Industrijali

Fi stqarrija wara n-numru rekord ta’ 510 każ pożittiv, l-MUT, l-Union tal-għalliema qalet li fin-nuqqas ta’ deċiżjonijiet f’waqthom mill-awtoritajiet, l-MUT qed tirreġistra tilwima industrijali u aktar tard ser tkun qed tiltaqa’ mal-Gvern biex twassal il-pożizzjoni tagħha. Aktar tard illejla ser tlaqqa’ wkoll l-kunsill tal-MUT sabiex tkompli tiġi diskussa s-sitwazzjoni u jittieħdu l-passi meħtieġa.

L-MUT qalet li dejjem għamlitha ċara li ser tkun qed timxi mal-informazzjoni u l-pariri tal-esperti tal-awtoritajiet tas-saħħa. Huwa propju dan li qiegħed iwassalna s’hawn illum.

Fl-istqarrija l-MUT qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jikkonfermaw li l-varjant tal-COVID-19 issa qiegħed jikkawża aktar minn nofs il-każi ġodda, u fl-istess waqt qed jgħidu wkoll li dan qiegħed jinfetta aktar lit-tfal fejn dawn aktarx ma jkollhomx sintomi iżda xorta jittrażmettuh. Għaldaqstant, fl-iskejjel dan jibdel is-sitwazzjoni kompletament. Fejn sa ftit ilu l-esperti kienu qed jgħidu li l-virus lit-tfal m’huwiex qiegħed jaffettwahom u li t-trażmissjoni fl-iskejjel hija minima, issa ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet li t-tfal qegħdin jieħdu u jitrażmettu dan il-varjant. Għaldaqstant, ir-riskji fuq is-saħħa u s-sigurtà tal-edukaturi, dawk kollha li jaħdmu fl-iskejjel, u l-familji issa żdiedu u l-gvern irid jieħu r-responsabbiltà fid-deċiżjonijiet tiegħu. Dan aktar u aktar bl-informazzjoni ġdida li issa ġiet ikkonfermata mill-awtoritajiet dwar il-varjant u l-infezzjoni fuq it-tfal.

L-MUT sostniet li qabel ma jkun hemm kummenti rigward il-fatt li l-proċess tal-vaċċinazzjoni tal-edukaturi issa beda, tajjeb li nsemmu li l-proċess għadu lura u wieħed ma jistax jagħlaq għajn waħda meta għad hemm ammonti kbar ta’ ħaddiema fl-iskejjel li għadhom lanqas irċevew appuntament. Apparti dan nafu wkoll mill-esperti li, sakemm ma jkunx hemm herd immunity, il-virus ser jibqa’ jiġi trasmess fil-kommunità u kull miżura possibbli trid tibqa’ tittieħed mill-gvern sabiex titrażżan il-pandemija.

Biss, is-sitwazzjoni li qed naraw hija eżattament bil-kontra, tenniet l-MUT. In-numru ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum huwa dejjem tiela u jidher ċar li m’hemmx kontroll tas-sitwazzjoni. Dan ikkonfermatu id-deċiżjoni tal-Ministru tal-Edukazzjoni stess meta tat l-approvazzjoni tagħha, f’dawn il-jiem, lil xi skejjel sabiex imorru kompletament online. L-MUT dejjem saħqet li tistenna li l-iskejjel jimxu flimkien, kemm bħala setturi edukattivi u anki b’mod nazzjonali. Il-miżura li tħabbret għall-ħaddiema tal-gvern mill-OPM, jiġifieri d-direttiva 13 tat-telework, tipproteġi lill-ħaddiema tal-gvern iżda tonqos milli tipproteġi lill-edukaturi, lill-istaff tal-iskejjel u l-familji. L-iskejjel wara kollox diġà qegħdin fil-limitu meta wieħed jikkunsidra li hemm ammont dejjem jikber ta’ każijiet pożittivi tal-virus, aktar edukaturi, studenti u familji sħaħ fi kwarantina u edukaturi bl-effetti tal-vaċċin. B’hekk qegħdin qrib li s-servizz fl-iskejjel ma jkunx jista’ jiġi sostnut aktar.

L-MUT qalet li mill-informazzjoni li qed joħorġu l-unions fil-qasam tas-saħħa, is-servizzi fl-isparijiet issa qegħdin jilħqu l-limitu tagħhom ukoll u l-gvern huwa fid-dmir li jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex jipproteġihom ukoll.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com