Is-Soċjeta’ Ċivili Tappella Għal-Lockdown U L-Għeluq Tal-Ajruport
Fi stqarrija s-Soċjeta’ Ċivili talbet għal-lockdown temporanju u l-għeluq tal-ajruport b’mod immedjat wara r-rekord ta’ każijiet pożittivi fl-aħħar 24 siegħa.
Is-Soċjeta’ Ċivili qalet li din mhix miżura reattiva għall-każijiet li ħarġu riċenti. Qalet lockdown temporanju messu seħħ żmien ilu, imma ż-żieda drammatika ta’ dawn l-aħħar ġranet hija evidenza ta’ firxa bla kontroll fil-komunità.
Is-Soċjeta’ qalet li l-parir xjentifiku huwa li malli r-rata ta’ każijiet pożittivi tilħaq jew 3% jew 5%, lockdown ikun miżura għaqlija biex tikkombatti t-tmexxija li x’aktarx il-contract tracing mhux ilaħħaq magħha. Illum, ir-rata f’Malta hija aktar minn 10%.
L-impatt ekonomiku ta’ lockdown huwa magħruf, iżda l-bżonn ta’ din il-miżura drastika ġejja minħabba n-nuqqas ta’ miżuri li kellha Malta f’dan l-aħħar xhur.
Is-Soċjeta’ Ċivili qalet li Malta kienet saħansitra waħda mill-inqas pajjiżi stretti fil-ġlieda kontra t-tmexxija tal-coronavirus, u issa l-pajjiż qiegħed ibati l-konsegwenzi: waħda mill-ogħla rati ta’ tmexxija fid-dinja, u waħda mill-ogħla rati ta’ mwiet f’din l-aħħar ġimgħa.