Iż-Żewġ Uċuh Tal-Kwarantina
Bla dubju li l-kelma ‘kwarantina’ hija fost l-iktar kelmiet li smajna kemm ilha li faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19. Xi ħaġa li kienet riflessa f’pajjiżna wkoll huwa l-fatt li l-kwarantina kienet l-iktar sors li wassal biex jonqus l-każijiet.
Tirrelata ma’ din id-dinamika hija l-istorja li wieħed isib fil-ktieb rinomat Quarantine, miktub minn Jim Crace, u li Charles Flores qaleb fil-lingwa Maltija.
Professur assoċjat mal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, Flores qal fid-daħla tal-ktieb li għalih, din it-traduzzjoni kienet opportunità li ma xtaqx jitlifha.
Iħoss li bejn twemmin u nuqqas ta’ twemmin hemm baħar jaqsam u għexieren ta’ interpretazzjonijiet. Hu żgur li fil-qasam tal-kitba bil-Malti x’aktarx li qatt ma kien hawn xogħol daqstant intellettwalment provokattiv u ħawtiel, li jmiss mill-qrib u b’daqshekk intensità l-aspett tal-bniedem u t-twemmin tiegħu, ir-ritwali u t-tradizzjonijiet, l-inżul u t-tlajja tas-soċjetà, l-imħabba ta’ veru u l-qerq, it-tfittxija dejjiema għal xi ħaġa.
Flores sostna wkoll li wasal il-waqt li, permezz ta’ din it-traduzzjoni u oħrajn li jistgħu jsiru ta’ kotba ta’ din il-bixra, niftħu aktar ix-xefaq ta’ quddiemna u ma niddejqux nistaqsu, niddiskutu u nfittxu nkattru d-diversità tal-ħsieb, tal-qalb u, f’suriet differenti u kuntrastanti, r-ruħ.