Jinfetaħ Il-Valletta Design Cluster Fil-Belt Valletta

 Jinfetaħ Il-Valletta Design Cluster Fil-Belt Valletta

Il-Biċċerija l-Antika fil-Belt Valletta ingħatat ħajja ġdida, hekk kif issa se sservi bħala l-Valletta Design Cluster, li huwa spazju kreattiv u kulturali ġdid iddedikat lid-disinn taħt il-kappa tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.

Il-Valletta Design Cluster joħloq opportunitajiet ġodda għall-persuni kreattivi fil-qasam tad-disinn, li se jkunu jistgħu jiżviluppaw il-proġetti tagħhom u jilħqu livelli ġodda. Dawk kollha li se jissieħbu mal-Cluster jistgħu jagħmlu użu mill-għodda, makkinarju, u l-ispazji ta’ ġo fih, biex jaqsmu l-għarfien tagħhom u jimxu ‘l quddiem.

Dawn il-facilitajiet se jkunu qed jgħinu studenti, professjonisti, organizzazzjonijiet fl-oqsma relatati mad-disinn, kif ukoll għaqdiet Beltin, biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Permezz ta’ dan il-proġett, mhux biss inħoloq kunċett ġdid għal Malta, iżda ġiet riġenerata żona oħra tal-Belt Valletta għall-komunità. Il-Biċċerija l-Antika filfatt, li kienet sfat mitluqa għal iktar minn 50 sena, ġiet restawrata b’investiment ta’ €10.4 miljun.

Il-belt kapitali ingħatat ukoll ġnien pubbliku mifrux fuq il-bejt kollu ta’ din il-binja. Dan il-ġnien hu l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu, u jinkludi kamra għal-laqgħat, żewġ spazji multi-funzjonali, postijiet fejn jistgħu jinġabru gruppi żgħar, u diversi siġar u arbuxxelli, li l-maġġoranza tagħhom huma endemiċi, fost l-oħrajn.

Ritratti: Omar Camilleri (DOI)

 

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com