Joe Bajada Elett Mill-Ġdid F’Kariga Mportanti Fl-Unjoni Ewropeja Taċ-Ċikliżmu

 Joe Bajada Elett Mill-Ġdid F’Kariga Mportanti Fl-Unjoni Ewropeja Taċ-Ċikliżmu

Nhar il-Sibt li għadda 6 ta’ Marzu 2021, waqt l-Kungress virtwali 2021 tal-Union Européenne de Cyclisme, Joe Bajada, Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu kien elett mill-ġdid fil-kariga mportanti fi ħdan din l-Unjoni Ewropeja fejn issa għal erba’ snin oħra ser jibqa jifforma parti minn 15 il-delegat li ser ikollhom id-dritt li jkunu huma li jivvutaw f’isem il-50 pajjiz membru affiljat Ewropej waqt il-Kungress Annwali Ġenerali tal-Federazzjoni Internazzjonali taċ-Ċikliżmu li ser issir f’Settembru li ġej fil-Belġju. Ma’ dawn il-15 jingħaqdu wkoll 30 delegat ieħor mill-erba’ konfederazzjonijiet l-oħra li huma ACC (Asia), COPACI (Pan America), CAC (Africa) u l-OCC (Oceania).

Għal din l-elezzjoni kienu nnominati 29 delegat minn Federazjonijiet u Assoċjazjonijiet differenti fi ħdan il-UEC fejn riedu jkunu eletti 15. Minħabba tibdil fl-istatut tal-UEC, l-ewwel erba’ nisa u irġiel kienu eletti, biex imbagħad magħhom kienu eletti wkoll seba’ kandidati oħra li ġabu l-iktar voti. Ma’ Joe Bajada ġew eletti: Alejandro Martin Garcia (Spanja), Umberto Langellotti (Monaco), Lucia Trevisan (Italja), Victoria Lesnikova (Russja), Thierry Marechal (Belġju), Walter Baldiserra (San Marino), Camille Dahm (Lussemburgu), Livia Hanesova (Slovakkja), Raivo Rand (Estonja), José Luís Costa Mendes Ribeiro (Portugal), Tomislav Zadro (Krozja), Csilla Tam (Hun), Jaroslava Krakovičová (Republika Ċeka) u Vitali Zhmako (Belarus).

F’dan il-Kungress il-UEC issa għandha president ġdid, it-Taljan Enrico Della Casa li għal dawn l-aħħar tmien snin kien is-Segretarju Ġenerali tal-istess UEC. Huwa ma kienx ikkontestat għax il-president attwali l-iSvizzeru Rocco Cataneo ma kkontestax ghal din il-kariga minħabba l-bosta mpenji li għandu fosthom dik ta’ Membru Parlamentari Svizzeru.

Elezzjonijiet oħra waqt dan il-Kungress kienu għal sitt membri tal-Eżekuttiv fejn hawn kienu eletti Henrik Jess Jensen (Danimarka), Delmino Albano Magalhães Pereira (Portugall), Alexander Gusyatnikov (Russja), Dragomir Gusyatnikov (Bulgarija), Katarina Jakubova (Slovenja) u Natallia Tsylinskaya (Bellarus).

L-elezzjoni għal UCI Management Committee kienu eletti: Daniela Isetti (Italija); Agata Lang (Polonja); Michel Callot (Franza); Rocco Cattaneo (Svizzera); Henrik Jess Jensen (Danimarka); Toni Kirsch (Ġermanja); Jose Luis Lopez Cerron (Spanja); Igor Makarov (Russja) u Petr Marek (Republika Ċeka).

Bħala Segretarju Ġenerali ġdid inħatar l-i Skoċċiż Alasdair MacLennan.

Sodisfatt ħafna b’dan ir-riżultat, Joe Bajada radd ħajr lil dawk il-pajjiżi kollha Ewropej li reġgħu wrew fiduċja sħiħa fih biex issa flimkien mal-14 il-delegati l-oħra jirrapreżentawhom waqt il-Kungress ferm mistenni tal-UCI li ser isir f’Settembru li ġej fil-Belġju fejn ser ikun hemm ukoll l-elezjonijiet. Huwa żied jgħid li dan ir-riżultat jirrifletti l-ħidma tiegħu u li fuq kollox kienet innutata u baqgħet tkun apprezzata anke fix-xena internazzjonali.

 

Ritratt: Federazzjoni Maltija Ċikliżmu

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com