Kampanja Għal Aktar Kuxjenza U Għarfien Dwar id-Down Syndrome

 Kampanja Għal Aktar Kuxjenza U Għarfien Dwar id-Down Syndrome

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Down Syndrome, li jiġi ċċelebrat ilbieraħ, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja se jkun qed jingħaqad mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome fit-tnedija ta’ kampanja fuq il-midja soċjali bl-għan li titqajjem aktar kuxjenza u għarfien fuq din il-kundizzjoni. Din is-sena, l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Down Syndrome qed tfakkar l-40 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Il-kampanja hija msejsa fuq għaxar stejjer ta’ suċċess ta’ tfal u żgħażagħ li għandhom din il-kundizzjoni.

F’kumment li għamlet fl-okkażjoni tat-tnedija ta’ din il-kampanja, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li, “Artiklu 8 tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Ġnus Magħquda jenfasizza l-importanza li jkollna kampanji ta’ għarfien fejn persuna b’diżabilità narawha mill-aspett kollu tagħha, is-suċċessi li tagħmel, li kapaċi tidħol għad-dinja tax-xogħol. Din il-kampanja tindirizza din l-isfida. Importanti li persuni b’Down Syndrome nagħrfuhom bħala individwi li fis-soċjetà għandhom rwol importanti wkoll u kapaċi jwettqu kif naraw fl-għaxar persuni protagonisti f’din il-kampanja. Permezz tal-midja soċjali se nkunu qegħdin intellgħu numru ta’ stejjer ta’ suċċessi minn persuni li għandhom id-Down Syndrome. Bħala gvern nemmnu bis-sħiħ li ħadd m’għandu jitħalla jaqa’ lura. Ħadd m’għandu jkun eskluż, aktar u aktar sempliċiment għax ikollu xi forma ta’ diżabilità,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli.

Fost l-istejjer li rreferiet għalihom il-ministru, hemm dawk ta’ Alec Falzon u Maria James, rebbieħa ta’ numru ta’ unuri fli Special Olympics; Maya Boutnanya u Maria Gauci, żeffiena li ħadu sehem f’numru ta’ kompetizzjonijiet f’Malta u barra. Hemm ukoll l-istorja ta’ Thomas Buttigieg u Maria Cristina Zammit, li daħlu fid-dinja tax-xogħol, kif ukoll ta’ żewġ gruppi fi ħdan il-Malta Down Syndrome Association Equality in Music Group u Radio Valo.

Min-naħa tagħha l-President tal-Malta Down Syndrome Association Joanne Xerri qalet li għall-assoċjazzjoni l-importanti huwa li dawn is-suċċessi qegħdin juru l-abilitajiet tal-membri tagħha, abilitajiet li tappella lis-soċjetà biex tapprezzahom. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li llum il-persuni bid-Down Syndrome qegħdin igawdu ħafna mill-edukazzjoni pprovduta, kif ukoll li l-ġenituri qegħdin iħeġġu aktar lil uliedhom jersqu lejn is-suċċess f’ħajjithom.

Bħala parti mill-ġimgħa ta’ għarfien fuq din il-kundizzjoni, il-gvern ħabbar li madwar 90% ta’ persuni b’diżabilità severa, fosthom persuni bid-Down Syndrome, mhux se jkollhom għalfejn jerġgħu jidhru quddiem Bord Mediku meta jgħalqu 16-il sena.

 

Ritratt: MISW

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com